Sunday, March 16, 2025

PAĊI DEJJIEMA TINĦTIEĠ SINĊERITÀ … ŻBALL LI TINGĦATA PRIJORITÀ LIS-SIGURTÀ TA’ NAĦA FUQ IL-PARTI L-OĦRA

Aqra wkoll

Wara l-laqgħa li ntemmet xejn tajjeb bejn il-President Trump u l-President Zelensky, ftit tal-jiem ilu delegazzjoni li tirrappreżenta lill-Istati Uniti u oħra li tirrappreżenta lill-Ukrajna iddiskutew bejniethom is-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Wara saret dikjarazzjoni fejn intqal li l-Ukrajna esprimiet ir-rieda li taċċetta l-proposta tal-Istati Uniti dik ta’ waqfien immedjat mill-ġlied għal tletin jum.

In-naħa Ukrena qalet li l-waqfien mill-ġlied jidħol fis-seħħ hekk kif ir-Russja taqbel. Ir-Russa wieġbet l-għada u qalet li kienet qiegħda tanalizza  d-dikjarazzjoni konġunta.

Sa issa din il-proposta għadha fil-bidu tagħha. M’hemm ebda dubju li kull proposta għal waqfien mill-ġlied hi proposta pożittiva. Bla dubju kull proposta simili għandha tiġi aċċettata u mbuttata ‘lquddiem. 

Biss din il-proposta ntlaqgħet b’ċertu kawtela mir-Russja u dan sar għax kien hemm tħassib dwar din il-proposta. L-akbar tħassib kien dak jekk din il-proposta ta’ waqfien ta’ xahar, kinitx intiża biss biex i-forzi Ukreni jkollhom żmien biżżejjed biex idaħħlu armamenti fl-Ukrajna. 

Ovvjament ftit li xejn ingħatat informazzjoni ta’ x’ġie diskuss u dan ħoloq għadd ta’ mistqosijiet. Kwistjoni ewlenija bħal dik ta’ talbiet territorjali u ta’ sigurtà għar-Russja u l-Ukrajna, flimkien mal-implimentazzjoni effettiva ta’ waqfien mill-ġlied, mhux magħruf kienux parti mid-diskussjoni.

Proposta ta’ waqfien mill-ġlied tista’ titqies bħala l-ewwel pass biex tinkiseb il-paċi. Il-proposta waħidha ta’ waqfien mill-ġlied għal xahar biss mhix biżżejjed biex dan il-kunflitt li ilu għaddej tlett snin jieqaf. Il-kunflitt daħal il-ġewwa.

Nemmnu li biex tissolva kriżi b’mod partikolari gwerra bħal din li hemm fl-Ukrajna, hemm bżonn pjan ċar ta’ kif il-kwistjoni se tkun trattata.  Hemm bżonn li dak li jsir ikun b’mod ġenwin.

Nemmnu li f’dan il-kunflitt biex verament naslu għall-paċi dejjiema ma jistax ikollna min jibqa’ jrewwaħ biex in-NATO u l-forzi tagħha jitpoġġew mal-fruntiera Russa.

Ir-Russja dejjem kienet ċara dwar dan, għalkemm mill-pajjiżi tal-Punent ma tantx ingħata widen għal dak li kienet qiegħda ssostni ir-Russja.  Nemmnu fermament li ma tistax tibqa’ tiġi imbuttata l-politika żbaljata li tagħti prijorità lis-sigurtà ta’ parti waħda fuq il-parti l-oħra.

Biex verament tintlaħaq il-paċi, is-sigurtà għandha titqies bħala xi ħaġa reċiproka u ugwali. Hu prinċipju kardinali li s-sigurtà ta’ pajjiż partikolari ma tistax tinbena fuq in-nuqqas ta’ sigurtà ta’ pajjiż ieħor.

Nemmnu li biex verament tinstab il-paċi, iż-żewġ pajjiżi jridu jkunu konvinti li huma siguri.  Quddiem dak li kien ilu għaddej, issa hemm bżonn politika ġdida għas-sigurtà f’dak ir-reġjun. Bħalissa jidher u dan jinħass li hemm nuqqas ta’ soluzzjonijiet. 

Sa issa l-uniku soluzzjoni li rajna kien li jarmaw militarment  lil naħa kontra oħra. Is-soluzzjoni li ġiet imbuttata ‘quddiem kemm mill-Istati Uniti u anke mill-Unjoni Ewropea kienet dik li l-Ukrajna tiġi mgħejjuna militarment biex tirreżisti u ttawwal.

Għax b’kunflitt li jitwal ifisser aktar bejgħ ta’ armi u munizzjon. Ifisser profitti akbar għall-kumpaniji tal-armi. Ifisser li pajjiżi li għandhom industriji sħaħ jipproduċu l-armi, jaraw vantaġġi ekonomiċi. 

Minkejja li kollox għadu fil-bidu tiegħu, it-taħditiet bejn l-Istati Uniti u l-Ukrajna fetħu triq biex tittaffa s-sitwazzjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Dan issa jiddependi mis-sinċerità u l-isforz tal-partijiet kollha involuti.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport