Friday, December 20, 2024

Pagamenti mtejba fiċ-Children’s Allowance minn din il-ġimgħa

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Madwar €24 miljun f’benefiċċji se jkunu qed jingħataw lil aktar minn 63,000 familja sa tmiem din il-ġimgħa. Dawn il-pagamenti se jirċevuhom familji bi tfal taħt is-16-il sena, li għandhom tfal b’diżabilità jew li qed jiffosterjaw tfal. Kif ukoll familji mingħajr tfal taħt is-16-il sena, inkluż koppji u persuni singoli bi dħul baxx. Il-pagamenti huma mtejba b’żidiet imwettqa b’riżultat tal-Budget 2025.

Dan ifisser li l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal minn din il-ġimgħa se jkun diġà beda jimplimenta l-miżuri tal-Budget għas-sena d-dieħla. Id-dettalji ta’ dan it-titjib soċjali ngħataw f’konferenza stampa li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musù.

Is-Sur Musù spjega li l-akbar investiment se jolqot lil 41,791 familja b’62,000 tifel u tifla taħt is-16-il sena li jirċievu ċ-Children’s Allowance. Qal li b’kollox dan ilaħħaq €18.4 miljun u jkopri l-ħlas għall-ewwel kwart tal-2025. €8.5 miljun se jmorru fi ħlas taċ-Children’s Allowance filwaqt li €9.9 miljun se jmorru fi ħlas tas-Suppliment għal kull wild. 

Children’s Allowance

Dan jitħallas lil ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena skont id-dħul annwali disponibbli tal-familja.

Jekk id-dħul jkun anqas minn €20,502, il-ħlas tar-rata jvarja skont l-ammont tad-dħul fis-sena rilevanti (id-dħul imsemmi jirreferi għall-2023).

Jekk jaqbeż dan l-ammont il-ħlas ikun rata fissa ta’ €450 għal kull wild. Fil-komputazzjoni tar-rata, sa issa mid-dħul tal-familja jiġi injorat il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

Minn din is-sena qed jiġi injorat ukoll l-ammont ta’ taxxa fuq id-dħul li tkun tħallset.

B’dan it-tnaqqis, fejn u kif japplika, familja, tista’ tgawdi minn rata ta’ allowance ogħla. 

Suppliment tat-Tfal

Dan il-benefiċċju li kien introdott għall-ewwel darba fl-2021 żdied b’€250 fis-sena għal kull wild irrispettivament mid-dħul tal-familja.

Għal dawk li d-dħul tagħhom, wara li jitnaqqsu l-bolla u t-taxxa, jaqbeż is-€27,434, l-ammont tas-suppliment tagħhom tela’ għal €640 fis-sena għal kull wild.

Għal dawk li d-dħul tagħhom nett ma jaqbiżx dan l-ammont, is-suppliment tagħhom żdied għal €660 fis-sena għal kull wild.

Tul il-leġiżlatura preżenti, is-suppliment tat-tfal diġà żdied b’€590 meta l-wegħda kienet li jiżdied b’€450 sal-2027.

Allowance għal Fostering

Din titħallas lil familji li jipprovdu servizz ta’ kura ta’ fostering lil tfal sakemm jilħqu l-età ta’ 21 sena.

Madwar 180 familja għandhom 243 tifel u tifla fil-kustodja tagħhom. 44 tfal oħra jingħataw kura f’ħamest idjar tat-tfal li jirċievu din l-allowance ukoll. Numbru ta’ tfal oħra li jgħixu fi djar tat-tfal huma koperti b’Public Social Partnerships.

Biż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fl-allowance l-ammont fis-sena issa tela’ għal €6,240 għal kull tifel jew tifla.

Familja tista’ tagħżel li taddotta tifel jew tifla fil-kura tagħha u żżomm id-dritt għall-allowance, li iżda titnaqqas gradwalment fuq perjodu ta’ 4 snin jew sakemm it-tifel jew tifla jagħlqu 21 sena. 

Allowance għal tfal b’diżabilità

Minbarra ċ-Childrens’ Allowance, familji bi tfal b’diżabilità fiżika jew mentali jitħallsu allowance addizzjonali fil-ġimgħa. Din qed tiżdied b’€260 fis-sena kull wild u tilħaq €1,820 fis-sena.

Din hija r-raba’ darba f’10 snin li l-allowance qed tiżdied. Illum tlaħħaq aktar mid-doppju tar-rata li kienet titħallas fl-2014.

Madwar 2,370 familja bi 3,900 wild huma intitolati għal din l-allowance. L-għadd ta’ tfal kiber fl-aħħar snin minħabba li twessgħu l-parametri tal-eliġibilità biex jinkludi kundizzjonijiet ġodda ta’ diżabilità bħall-awtiżmu u ADHD.

L-Allowance Supplimentari 

Din titħallas lil familji (li m’għandhomx tfal taħt is-16-il sena), koppji u persuni bi dħul baxx biex tgħinhom ilaħħqu aħjar mal-ħajja.

L-għadd ta’ benefiċjarji li qed jirċievu l-pagamenti sa issa huwa ta’ 18,922. Ftit aktar minn 70% huma persuni singoli, romol u persuni separati jew divorzjati. 

Ir-rati massimi tal-benefiċċju qed jiżdiedu għaż-żewġ kategoriji:

  • Għal koppji r-rata massima żdiedet b’€190 għal €1,289 fis-sena.
  • Għal persuni singoli żdiedet b’€69 għal €667 fis-sena.

Persuni fl-età ta’ 65 sena u aktar jitħallsu suppliment annwali addizzjonali ta’ €150.

Din is-sena l-limitu tad-dħul għal koppji twessa’ għal €18,000 – żieda ta’ €2,252. B’hekk aktar koppji jkollhom l-opportunità li jibbenefikaw.

Il-limitu għal persuni singoli qed jiżdied bi €842 għal €12,493. L-għadd ta’ benefiċjarji mill-2013 niżel sew għax naqset id-dipendenza soċjali u anqas familji qed ikollhom bżonn din l-għajnuna. 

Minkejja dan żdiedet in-nefqa, l-aktar minħabba t-titjib fir-rati tal-allowance mill-2017 ‘l hawn. 

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Michael Falzon enfasizza li dan il-Gvern, fil-qasam soċjali, mhux biss iwiegħed iżda qiegħed iwettaq u fil-fatt minn din il-ġimgħa se jingħataw żidiet b’saħħithom fosthom fiċ-Children’s Allowance.

Huwa fakkar ukoll li bejn l-2017 u l-2025, il-Foster Care Allowance minn €70 fil-ġimgħa żdied għal €120 fil-ġimgħa. Tenna li dan minnu nnifsu jibgħat messaġġ ċar illi l-Gvern tassew jemmen fil-fostering kif ukoll li rridu naraw li t-tfal tagħna kollha kemm huma jkollhom il-potenzjal tagħhom li jista’ jiġi mwettaq. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport