Thursday, December 12, 2024

PAJJIŻ LI NISTGĦU NGĦIXU FIH

Aqra wkoll

Għandna sfidi kbar biex il-gżejjer tagħna jkunu u jibqgħu pajjiż ta’ min jgħix fih. Anki jekk nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet bil-għaqal, hija sfida kif se nsibu bilanċ tajjeb minħabba ċ-ċokon tagħna. Fi 316 -il kilometru kwadru rridu nsibu biżżejjed spazju fejn ngħixu, naħdmu, niddevertu … irridu nsibu biżżejjed spazju għat-toroq, għall-bini, għall-kampanja naturali, għall-fabbriki, għall-uffiċini, għall-faċilitajiet sportivi, skejjel, sptarijiet.

Fl-indiċi Numbeo li jkejjel il-kwalita` tal-ħajja, il-prezzijiet u s-saħħa tal-pagi tagħna, is-sigurta`, is-saħħa, l-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet tal-propjeta`, id-dewmien fit-traffiku, it-tniġġis u l-ħarsien tal-klima, aħna ninsabu fit-62 post minn 87 pajjiż.

Jekk mhux se nieħdu ħsieb il-kwalita` tal-ħajja fil-gżejjer tagħna, l-affarijiet ser isiru agħar għalina. M’għandniex nippermettu li jiġri dan.

Minn 235 pajjiż u territorju fid-dinja, aħna d-disa’ l-iżjed pajjiż iffullat (Rapport tal-Bank Dinji 2021): għandna 1,384 persuna kull kilometru kwadru. Fl-Ewropa Monako (26,523 persuna kull kilometru kwadru), Ġibilta` (3,369 persuna kull kilometru kwadru) u l-Vatikan (1,845 persuna kull kilomteru kwadru) huma ffullati iżjed minna.

Id-daqs tagħna hu ta’ 316 -il kilometru kwadru, l-għaxar pajjiż żgħir fid-dinja kollha. Fl-Ewropa iċken minna hemm biss: il-Vatikan (0.44 kilometru kwadru), Monako (2.02 kilometru kwadru) San Marino (61 kilometru kwadru u Liechtenstein ( 161 kilometru kwadru).

Aħna u Ċipru biss gżejjer stati li tilhaqhom bl-ajru jew bil-baħar. Il-pajjiżi l-oħra kollha huma mdawrin bl-art u tista’ tmur u tiġi minnhom x’ħin trid. Fl-aħħar 70 sena għamilna ħafna passi ‘l quddiem. Minn 189 pajjiż ninsabu fit-28 post fl-Indiċi tal-Iżvilupp Uman tan-Nazzjonijiet Magħquda. Dan ikejjel is-saħħa u t-tul ta’ ħajja, l-edukazzjoni u l-livell tal-għixien.

Imma minkejja dawn il-kisbiet kbar ma nistgħux norbtu idejna u nistrieħu, kuntenti b’li għamilna. Għandna sfidi ġodda biex naraw li l-poplu tagħna jista’ jgħix diċenti fid-dinja tant mibdula tal-lum. Għandna problemi ġodda xi nsolvu. Is-soluzzjonijiet tal-bierah ma jaħdmux.

Il-popolazzjoni tagħna issa hi mill-inqas 520,971. Hafna jħossu li ffullati iż-żejjed: fgata bin-nies, bil-karozzi u bil-bini. Sas-sena 2050 il-popolazzjoni tagħna mistennija tilhaq 668,000. Kemm jiflaħ nies pajjiżna? Kemm jista’ jipprovdi għixien diċenti għal kemm nies bir-risorsi limitati li għandu u bla ma jeqred l-ambjent soċjali, naturali, kulturali u ekonomiku għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada?

Diġa’ lħaqna l-limitu li jiflaħ pajjiżna? Kemm aktar nies, bini, karozzi u iżjed skejjel, sptarijiet u infrastruttura meħtieġa nifilħu nġorru bla nikkollossaw? Dawn m’humiex mistoqsijiet faċli xi nwieġbu. Irridu mill-inqas tkabbir ekonomiku biżżejjed biex isostni l-livell tal-għixien tagħna u l-flus li għandna bżonn għas-servizzi soċjali u s-servizzi pubbliċi. Ma nistgħux intawlu u ntawlu u nittamaw li dawn it-tweġibiet se jiġu waħedhom u jaqgħu mis-sema.

Fl-aħħar 10 snin il-popolazzjoni tagħna żdiedet b’100,000 persuna. Din iż-żieda żgur ma ġietx għax il-familji tagħna qed ikollhom iżjed tfal. Bil-maqlub. Aħna fost l-inqas li qed ikollna tfal fl-Ewropa. Fis-sena 2020 twieldu 4,414 trabi, terz minnhom lill-ġenituri mhux Maltin. Fis-sena 1950 kienu jitwieldu 10,281 trabi f’pajjiżna.

Iż-żieda fil-popolazzjoni tagħna ġiet minn dawk li ġew jaħdmu u jgħixu fostna minn pajjiżi oħra.  Sal-aħħar tas-sena li għaddiet kellna 77,825 li ġew mill-kontinenti kollha tad-dinja. Ftit eluf biss ġew bħala immigranti irregolari. Ħafna mill-ħaddiema barranin jinsabu fostna għax m’għandniex biżżejjed Maltin biex jimlew il-postijiet tax-xogħol li qed noħolqu. Noħolqu 12,000 impjieg f’sena u għandna 4,000 biss Maltin li jidħlu fis-suq tax-xogħol. It-8,000 l-oħra jridu jiġu minn pajjiżi oħra.

Irridu niddeċiedu: jekk nilmentaw li għandna invażjoni ta’ ħaddiema barranin iżda mhux lesti jkollna iżjed tfal, hija naturali li se jiġu iżjed barranin jaħdmu fostna. Irridu nċekknu l-ekonomija? Jekk ikollna ekonomija dgħajfa kif nistgħu nsostnu s-servizzi soċjali b’saħħithom u servizzi pubbliċi sodisfaċenti? Mingħajr ħaddiema barranin, il-Maltin lesti jmorru lura jahdmu fil-lukandi, ristoranti, kostruzzjoni, indafa pubblika u biedja? Min se jimla’ l-impjiegi li għalihom m’għandniex Maltin bil-ħiliet meħtieġa?

Ekonomija

Sport