Monday, December 9, 2024

Pajjiż ta’ Kwalità: Aktar pillars ġodda għas-sajjieda

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said ħabbret li se jkunu qed jiġu installati aktar pillars ġodda għas-sajjieda, li se jkunu mifruxa f’diversi bajjiet madwar Malta u Għawdex.

Is-Segretarju Parlamentari sostniet li din il-miżura hija xhieda tal-impenn tal-Gvern favur is-sajjieda. Kompliet li dan il-proġett se joffri struttura aktar sigura u effiċjenti għas-sajjieda kollha li jaħdmu minn diversi xtut madwar il-gżejjer Maltin.

Il-pillars il-ġodda se jiġu installati f’diversi lokalitajiet, fosthom f’Marsaskala, f’San Pawl il-Baħar, fil-Kalkara, f’Birżebbuġa, f’Marsaxlokk, u fl-Imsida. Dawn il-pillars se joffru lill-bastimenti aċċess għall-elettriku u l-ilma viċin ix-xatt. Dawn se joffru sistema simili tax-shore-to-ship, fejn is-sajjieda se jkunu jistgħu jqabbdu l-elettriku direttament mal-freezers tagħhom, u dan se jwassal biex jiffrankaw il-flus billi jkunu qed inaqqsu l-konsum tal-fuel u jnaqqsu wkoll l-emissjonijiet mill-operat tagħhom.

“B’din il-miżura, mhux biss qed innaqqsu l-ispejjeż għas-sajjieda, iżda qed ngħinu wkoll biex inħarsu l-ambjent tagħna. L-għan tagħna huwa ċar – iridu nżidu l-kwalità għas-sajjieda tagħna, u din hija kwalità li tagħmel differenza fil-ħajja tagħhom u tal-familji tagħhom, kif ukoll li nkomplu nwettqu proġetti infrastrutturali għall-ġid tal-pajjiż,” spjegat is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Hija ħabbret ukoll li qed jiġu installati winches ġodda f’diversi lokalitajiet, fosthom f’Marsaskala u l-Ġnejna, biex jgħinu lil dawk kollha li għandhom bastiment. Filwaqt li diversi magni tas-silġ se jkunu installati madwar il-bajjiet biex is-sajjieda jkunu jistgħu jżommu l-qabda tagħhom f’temperaturi ideali.

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said tat elenku wkoll ta’ wħud mill-miżuri fil-Budget 2025, fosthom qed titħejja strateġija ġdida għas-sajd, skemi għar-restawr tal-bastimenti u l-espansjoni tal-operat fil-pixkerija. Semmiet li fir-rigward tad-drittijiet tal-annimali, hemm diversi miżuri fosthom l-estensjoni tas-servizz ta’ neutering ta’ qtates stray b’xejn, l-identifikazzjoni ta’ aktar siti għal Dog Parks u Cat Cafés, it-twettiq tal-proġett tal-Pet Memorial, miżuri għas-salvataġġ u l-aftercare ta’ annimali, kif ukoll għall-kontrolli kontra l-abbuż, fost miżuri oħra.

Ekonomija

Sport