Monday, December 9, 2024

Pajjiż ta’ Kwalità: Trasferita binja f’Tas-Sliema biex minnha jingħataw servizzi ta’ matul il-jum lil żgħażagħ b’diżabilità

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim bejn Aġenzija Sapport u l-Awtorità tal-Artijiet li jittratta trasferiment ta’ proprjetà fi Triq Rudolfu, Tas-Sliema. Din il-proprjetà ser tkun qed tgħaddi għand Aġenzija Sapport, biex minn din il-binja jingħataw servizzi ta’ matul il-jum lil żgħażagħ b’diżabilità.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi ppresjedew għall-iffirmar tat-trasferiment tal-propjetà.

Permezz ta’ dan it-trasferiment, Aġenzija Sapport se tkun f’pożizzjoni li twessa’ l-operat tagħha biex tilħaq aktar persuni b’diżabilità, bl-introduzzjoni ta’ faċilitajiet moderni u aċċessibbli. Il-binja l-ġdida se tiġi rrestawrata u adattata apposta sabiex toffri ambjent komdu u sikur, appoġġjata minn infrastruttura li tgħin favur l-integrazzjoni sħiħa fis-soċjetà.

Il-Ministru Julia Farrugia fissret kif dan il-pass jikkonferma l-impenn kontinwu tal-Gvern biex itejjeb u jespandi s-servizzi li jipprovdi fis-settur tad-diżabilità. “Permezz ta’ dan it-trasferiment, tellaqna l-proċess li bih dan il-proġett se joffri soluzzjonijiet speċjalizzati għaż-żgħażagħ b’diżabilità, fejn permezz ta’ faċilitajiet adattati se jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Dan jenfasizza l-impenn tal-Gvern biex ikompli jagħti prijorità lil kwistjonijiet soċjali, billi jagħmel l-investiment meħtieġ għal soċjetà aktar inklużiva u ġusta. Ninsabu impenjati li nibqgħu ninvestu f’servizzi li jagħtu valur  lill-komunità u jsaħħu l-integrazzjoni ta’ kulħadd.”


Il-Minisru Farrugia spjegat kif fix-xhur li ġejjin ser ikun qiegħed jibda eżerċizzju minn Aġenzija Sapport biex isir mapping tas-settur u jsir streamlining aħjar tas-settur fejn jersqu talbiet għad-Day Centre. Se jkunu wkoll qed jinbidlu l-kriterji biex wieħed jidħol f’dawn id-djar, fejn ser tkun qed tingħata prijorità lil dawk li jirċievu l-allowance tad-diżabilità severa addizzjonali, u li allura jfisser li ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol.


Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq fuq l-importanza li jsir l-aqwa użu mir-riżorsa kbira ta’ proprjetà u artijiet li għandu l-Gvern u stqarr li meta proprjetà bħal din tgħaddi għand Aġenzija li tagħmel tant ġid fil-komunitajiet tagħna, tkun qed tingħata l-aqwa valur.

“Dan huwa eżerċizzju li grazzi għall-Awtorità tal-Artijiet qed inwettqu b’kollaborazzjoni kontinwa ma’ Ministeri oħra, ma’ Kunsilli Lokali u anke ma’ għaqdiet mhux governattivi biex nagħmlu l-aqwa użu mill-proprjetà immobbli tal-Gvern,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi. Huwa saħaq li permezz ta’ din l-inizjattiva, barra l-iskop soċjali li għalih il-binja qed tkun trasferita, se jintlaħaq l-għan l-ieħor li binja storika tkun salvata permezz tar-restawr estensiv li ser isirilha.


Il-proprjetà unika ta’ Villa Alcazar, li issa ser tibda tintuża għal skopijiet soċjali,  għandha valur storiku hekk kif inbniet fl-1870 u hija binja skedata fi grad 1. Il-ftehim għar-restawr ta’ din il-villa mhux biss ser isaħħaħ l-istruttura iżda ser jgħin ukoll biex jippreservaha għal ġenerazzjonijiet futuri.


Iffirmaw dan il-ftehim il-Kapijiet Eżekuttivi tal-Aġenzija Sapport u l-Awtorità tal-Artijiet Oliver Scicluna u Robert Vella.

Ekonomija

Sport