Tuesday, December 24, 2024

Pajjiż ta’ Kwalità- Il-Prof. Philip von Brockdorff 

Aqra wkoll

Il-tema tal-Budget tagħti direzzjoni ċara fejn dan il-pajjiż irid jasal. Mill-banda l-oħra toħloq aspettattiva fost il-populazzjoni li din il-mira se tintlaħaq kollha fis-sena 2025. Filwaqt li dan mhux possibbli, hu neċessarju li naraw verament qabża fil-kwalità fuq numru ta’ miżuri, anke jekk limitati li viżibbilment jagħmlu differenza fil-kwalità tal-ħajja fis-sena 2025.

Twessigħ tat-taxxi

Din il-miżura hija statement politiku qawwi f’kuntest fejn rajna rati ta’ inflazzjoni għoljin matul dawn l-aħħar sentejn minħabba kriżi internazzjonali. Ir-rata ta’ inflazzjoni issa qed tinżel iżda għadu jinhass l-effett taż-żidiet fil-prezzijiet u għalhekk it-twessigħ tat-tax bands għandu jtaffi dan l-effett. Barra minn hekk, it-twessigħ tat-tax bands għandu jwassal biex jiżdied il-konsum u b’hekk jgħin fit-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna.

Tkabbir ekonomiku

Dis-sena t-tkabbir ekonomiku reġa’ kien wieħed b’saħħtu u jibqa’ l-ogħla fl-Unjoni Ewropea. Għalkemm it-tkabbir se jonqos is-sena d-dieħla xorta se jkun wieħed għoli. Filwaqt li dan se jerġa’ jwassal biex id-dħul mit-taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali jibqa’ f’livell gholi, l-ekonomija se tibqa’ tiġġenera mpjiegi u opportunitajiet għall-investiment.

Stabbiltà finanzjarja

Fil-budget hemm indikat kif id-defiċit se jinżel taħt it-3 fil-mija sas-sena 2027. Jekk din il-mira tintlaħaq, dan ifisser li l-finanzi pubbliċi jkunu fis-sod u eventwalment nerġgħu nibdew naraw surpluses li huma neċessarji f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi internazzjonali bħalma rajna fil-każ tal-COVID-19. Meta wieħed iqis ukoll li d-dejn se jibqa’ madwar 50 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku, hu ċar li l-mira ta’ stabbiltà finanzjarja qed tintlaħaq.

Budget: Eżerċizzju finanzjarju jew pjan fit-tul?

Il-budget jibqa’ essenzjalment eżerċizzju finanzjarju iżda l-għeruq tiegħu huma l-pjanijiet fis-setturi li jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern kif ukoll settur ekonomiċi fejn is-settur privat għandu preżenza qawwija. Eżempju ta’ dan hija t-taxxi internazzjonali ta’ 15 fil-mija li tidħol fis-seħħ fis-snin li ġejjin. Il-Gvern qed iħares lejn alternattivi bħal grants biex Malta tibqa’ attraenti għall-investituri barranin. Dan issemma’ fil-budget u rridu nisimgħu aktar fix-xhur li ġejjin għax mingħajr alternattivi attraenti, Malta ma tibqax tattira investiment barrani. Il-Gvern irid iħares ukoll kif is-settur tas-servizzi finanzjarji jista’ jintlaqat mill-għaqda fis-swieq kapitali gewwa l-UE. Fuq dan ma ntqal xejn iżda hu neċessarju li nħejju biex is-settur bankarju jkun kompetittiv mhux biss lokalment iżda wkoll fl-UE. 

Tibdil fid-demografija

Bla dubju il-pajjiż qed jiffaċċja sfidi minħabba t-tkabbir tal-populazzjoni u l-fatt li fost ir-residenti Maltin u Ghawdxi, l-età medja qed tiżdied. Ghalkemm fil-budget hemm miżuri biex nindirizzaw dawn l-isfidi huwa ċar li l-budget waħdu mhux is-soluzzjoni għalkollox u kif indikat mill-Gvern stess qed titfassal politika biex id-dipendenza fuq il-ħaddiema barranin, li hija rriversibbli, tkun f’qafas ta’ pjan ekonomiku abbażi ta’ kif se jiżviluppaw is-setturi ekonomiċi fis-snin li ġejjin.

Koeżjoni Soċjali

Mingħajr koeżjoni soċjali l-mira ta’ pajjiżi ta’ kwalità ma tintlaħaqx u l-miżuri soċjali u fiskali kif imsemmija fil-budget se jkomplu jsaħħu l-koeżjoni soċjali f’pajjiżna. Madankollu hu neċessarju li dawk bi dħul baxx jingħataw kull opportunità biex ikollhom il-ħiliet li jwasslu biex ikollhom impjieg u kundizzjonjiiet ta’ xogħol aħjar. F’dan il-kuntest għad irridu nistennew jekk il-Gvern se jilqa’ l-proposta dwar is-sħubija awtomatika tal-ħaddiema fi trejdunjin tal-għażla tagħhom.

Riformi ekonomiċi u soċjali

Fil-budget tissemma l-inizjattiva biex pajjiżna jkollna viżjoni fit-tul. Dan jista’ jwassal ghal riformi ekonomiċi u dawk socjali. Li hu ċert hu li fil-kuntest tal-budget 2025, pajjiżna għadu dipendenti fuq mudell ta’ tkabbir ekonomiċi u tisħiħ ta’ koeżjoni soċjali li jwassal biex l-ekonomija tkompli tikber u l-faqar ma jgħollix rasu. Il-mistoqsija tiġi waħedha: why change a winning horse? It-twegiba hi marbuta mal-kelma ‘sostenibbilità’ fis-sens wiesgħa tagħha, jiġifieri kemm ekonomikament, soċjalment u ambjentalment. Ma’ dawn inżid ukoll kemm qed inkunu produttivi fis-settur ekonomiċi f’pajjiżna. Dawn l-aspetti għandhom ikunu l-bażi tar-riformi ekonomiċi u soċjali u għalkemm il-budget ma jista’ qatt jindirizza għalkollox temi bħal dawn, il-budget jibqa’ strument b’saħħtu lejn direzzjoni fit-tul.

Ekonomija

Sport