Monday, December 9, 2024

Kunċert fuq tema Pawlina mill-Fondazzjoni Paulus f’Ruma

Aqra wkoll

Wara s-suċċess kbir tal-Festival Agape ta’ din is-sena fl-okkazjoni tal-għaxar anniversarju mit-twaqqif tagħha, il-Fondazzjoni Paulus ser tkun qed ittella’ kunċert ieħor tal-ogħla kwalità, din id-darba fil-Basilica dei XII Santi Apostoli f’Ruma nhar il-Ħadd 3 ta’ Novembru.

Dan tħabbar f’konferenza stampa, li fiha ħadu sehem il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg u l-President tal-Fondazzjoni Paulus Mark Fenech Vella. Il-konferenza stampa fuq iż-żuntier tal-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat. 

Il-President Dr Mark Fenech Vella iddikjara li dan il-kunċert qed jagħti viżibiltà kbira lil Malta għax barra li jespondi il-potenzjal artistiku tal-kompożituri Maltin  u ta’ kor Malti, qiegħed jagħti viżibilità lil Malta permezz tal-arti u l-kultura.  Hu spjega wkoll li ż-żewġ kompożizzjonijiet jikkonċernaw in-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta.

Il-Viċi Prim Ministru Ian Borg feraħ lill-Fondazzjoni Paulus għal dan il-proġett u qal li dan qed isir f’pajjiż li Malta għandha fost l-aktar relazzjoni diplomatiċi tajbin. 

Preżenti kien hemm id-Direttur Mużikali Christopher Muscat u Paul Cachia u Christopher Farrugia bħala membri tal-Fondazzjoni. 

Dan il-kunċert Pawlin ser ikun esegwit mill-Orchestra Sinfonica Città di Roma bis-sehem tal-Kor tal-Katidral Jubilate Deo taħt id-direzzjoni tad-Direttur Mużikali Christopher Muscat.  Flimkien mal-kor u l-orkestra ser jieħdu sehem ukoll il-baritonu Louis Andrew Cassar,  it-tenur Josef Bugeja u Mons. Michael Bugeja bħala narratur.  

Dan il-kunċert uniku ser jippreżenta żewġ xogħlijiet mużikali li kienu kkummissjonati mill-Fondazzjoni Paulus u ndaqqu għall-ewwel darba fl-2017: il-Cantata ta’ Christopher Muscat L-X ta` Frar 1928 ibbażata fuq poeżija ta’ Dun Karm Psaila u l-Oratorju Fini ai confini della terra tal-kompożitur ta’ fama mondjali Mons. Marco Frisina.

Dan il-kunċert se jkun wieħed mill-ftit okkażjonijiet fejn xogħol kbir ta’ kompożitur Mati ser jiġi esegwit barra minn Malta, liema xogħol ser ikun kantat bil-lingwa Maltija. Kunċert bħal dan se jagħti viżibilità lil Malta bħala pajjiż għani fl-arti u l-kultura, b’talent lokali jingħaqad ma’ orkestra rinomata minn Ruma. Qabel il-kunċert, il-Fondazzjoni Paulus ħa tkun qed torganizza taħdita pubblika fl-istess Bażilika minn Dr Gerald Bugeja dwar kif il-kult ta’ San Pawl f’Malta serva ta’ ispirazzjoni poetika. Din it-taħdita ġiet stampata bħala ktieb li ser jiġi mniedi f’din l-okkażjoni. Dan il-kunċert u t-taħdita qed isiru bl-għajnuna tal-Cultural Diplomacy Fund, immexxi mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, u l-Malta Tourism Authority. 

Dan il-kunċert ser jigi rekordjat min CVC Media biex jixxandar fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni barranin.  

Din il-bażilika fiċ-ċentru ta’ Ruma hija l-unika bażilika f’Ruma li ma nbnietx fuq strutturi Rumani pre-eżistenti. Probabbilment imwaqqfa fis-seklu sitta minn Papa Pelaġju, il-knisja ġarrbet ħsarat kbar minħabba terremot u ġiet irrestawrata mill-ġdid fis-seklu 15 minn Papa Martin V. Fil-bidu tas-seklu 18, il-knisja ġiet mibnija mill-ġdid mill-Papa Klement XI meta qabbad grupp ta’ arkitetti fosthom Carlo Fontana u ibnu Francesco. Il-faċċata neoklassika ta’ Giuseppe Valadier hija moħbija mill-portiku tal-entratura tas-seklu 15 mibni minn Baccio Pontelli. Id-disinn ta’ Pontelli għall-portiku nbidel minn Carlo Rainaldi meta biddel l-arkati tal-livell ta’ fuq u żied l-istatwi ta’ Kristu u l-Appostli madwar is-sena 1665.

Ekonomija

Sport