Saturday, December 21, 2024

Pajjiż ta’ Kwalità: Ippjanat xogħol fuq il-Ġnien tal-Marina wara li l-GHRC lestiet ir-riġenerazzjoni tax-Xatt tal-Pietà

Aqra wkoll

Wara li lestiet ir-riġenerazzjoni tax-Xatt tal-Pietà, fil-ġimgħat li ġejjin il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) mistennija tagħti bidu għall-proġett ta’ riġenerazzjoni fuq il-Ġnien tal-Marina.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi, waqt żjara fix-Xatt tal-Pietà. Hawnhekk il-GHRC wettqet proġett ta’ riġenerazzjoni fuq medda ta’ kważi kilometru bi spazju li jippermetti aċċess sigur għaċ-ċiklisti u n-nies bil-pass.

Ir-riġenerazzjoni tal-promenade kompliet issebbaħ iż-żona anke bil-bini mill-ġdid tal-bankina, installazzjoni ta’ dwal ġodda, railing galvanizzat u sistema t’irrigazzjoni u t-tħawwil ta’ 500 pjanta tal-pistakkji fost is-siġar eżistenti. Żdiedu wkoll faċilitajiet bħall-bankijiet u mezzi għar-rimi tal-iskart. Dan il-promenadejoffri lin-nies passaġġ kontinwu tul Marsamxett.

“Ix-xogħol ta’ tisbiħ li sar ma jistax ikun komplut mingħajr ma ninvestu wkoll fil-Ġnien tal-Marina. Għalhekk li permezz tal-GHRC se nkunu qed nirriġeneraw spazju ta’ madwar 4,400 metru kwadru. Ġnien li se jgawdi minn passaġġi ġodda, xogħol fuq il-funtana eżistenti u installazzjoni ta’ tagħmir ġodda bħal bankijiet u sistema tad-dawl. Dan huwa n-nifs ġdid li qed nagħtu lil spazji differenti,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

“Dan ikompli juri kemm l-ispazji miftuħa u l-wellbeing tal-komunità huma prijorità assoluta tagħna. Qed niġġeneraw iż-żoni urbani u ninvestu fi proġetti sostenibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies biex naslu lejn pajjiż ta’ kwalità,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Gino Cauchi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-tlestija tal-proġett tal-promenade. “Tal-Pietà huwa proġett ieħor fil-kullana ta’ proġetti li l-GHRC wettqet biex qed nagħtu lura medda ta’ spazju pubbliku riġenerat li jkompli jeżalta s-sbuħija ta’ dawn l-inħawi. Determinati li nkomplu nwettqu aktar proġetti infrastrutturali ta’ kwalità.”

Ir-riġenerazzjoni tal-ġnien se twassal għal ‘greenway’ ġdida ta’ 210 metri għaċ-ċiklisti u joggers. Ix-xogħol se jsir b’attenzjoni lejn il-wirt storiku u kulturali u mhux se jintmissu n-numru ta’ parkeġġi eżistenti.

Din ir-riġenerazzjoni tingħaqad ma’ kullana ta’ proġetti ta’ spazji miftuħa oħra illi l-Ministeru tal-Ambjent permezz tal-entitajiet differenti tiegħu qiegħed iwettaq madwar il-pajjiż.

Rappreżentanti tal-Kunsill Lokali tal-Pietà kienu preżenti.

Ekonomija

Sport