Wednesday, October 22, 2025

“Pajjiżna b’miri ċari għat-tkattir tas-suċċess frott ekonomija b’saħħitha”

- il-Prim Ministru Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza tal-EY, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li issa li pajjiżna stabbilixxa ekonomija b’saħħitha, il-Gvern għandu tliet miri importanti għat-tkattir tas-suċċess ibbażati fuq il-Viżjoni Malta 2050.

Dr Abela nnota li filwaqt li ħafna mill-akbar ekonomiji fid-dinja, spiss meqjusa bħala ġganti ekonomiċi globali, esperjenzaw tnaqqis, l-istorja ekonomika ta’ Malta kienet waħda ferm differenti u ħafna aktar pożittiva. “L-aġenziji tar-rating, waħda wara l-oħra, reġgħu affermaw il-fiduċja tagħhom f’Malta u żammew ratings pożittivi għal pajjiżna,” tenna l-Prim Ministru Abela. Huwa żied jgħid li l-EY Attractiveness Survey għal Malta jikkonferma din il-fiduċja u juri li pajjiżna kompla jkun pajjiż attraenti għal-investituri.

“Bl-adozzjoni ta’ politiki ekonomiċi progressivi, illum ninsabu f’pożizzjoni ferm aktar b’saħħitha minn pajjiżi li għażlu li jħaddnu awsterità fuq medda qasira ta’ żmien,” qal il-Prim Ministru. Huwa saħaq li l-appoġġ tal-Gvern għall-familji u n-negozji ta’ ħarsien lill-kapaċità produttiva ta’ pajjiżna.

Dr Abela esprima sodisfazzjon li bit-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050 kmieni s-sena d-dieħla, il-pajjiż se jkollu strateġija komprensiva mibnija mill-poplu u għall-poplu, viżjoni li tintrefa’ ’l fuq mill-partiġġjaniżmu politiku u tistabbilixxi pjan għall-prosperità fit-tul ta’ Malta u Għawdex.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg sostna li l-komunità tan-negozju ta’ Malta hija u tibqa’ reżiljenti, kuraġġuża u tħares ’il quddiem u mimlija potenzjal, iżda qed titlob għal direzzjoni, ċarezza u tmexxija xierqa. 

Dr Borg qal li Malta ma taffordjax li tkun reattiva iżda fi kliemu rridu nkunu proattivi fil-politika u l-iskop tagħna. Qal li huma jħarsu lejn Malta fejn il-kwalità tal-ħajja mhix privileġġ imma garanzija. 

“Dan hu l-impenn tagħna li nibnu pajjiż li jaħdem għal kulħadd,” tenna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport