Thursday, May 16, 2024

“Pajjiżna jrid ikollu pjan ħolistiku għall-ekonomija diġitali… inkomplu nimirħu f’niċeċ diġitali oħra”

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali, Clayton Bartolo spjega ma’ Inewsmalta li minn mindu ħa r-responsabbiltà ta’ dan id-dekasteru, hu saħaq li pajjiżna jrid ikollu pjan ħolistiku għall-ekonomija diġitali ta’ pajjiżna. Hu saħaq li bħala pajjiż irridu naraw li ma nkunux dipendenti biss fuq settur wieħed, filwaqt li nkomplu nimirħu f’niċeċ diġitali oħra. 

Bartolo qal dan b’reazzjoni għad-domandi tagħna dwar il-fatt li pajjiżna għadu ma leħaqx il-mira li jkun hub għall-kumpaniji tal-blockchain. Sostna wkoll li fl-istess waqt li pajjiżna ma jinsiex dak li diġà bena, min-naħa l-oħra jrid jara li jintroduċi teknoloġiji ġodda, anke f’setturi li huma tradizzjonali. 

Mistoqsi wkoll dwar il-wegħda li kienet saret li pajjiżna jkun WiFi State, Bartolo qal li l-Gvern irid jassigura li jkun hemm aċċess ħieles għall-informazzjoni liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Qal li għalhekk kompla bil-pjani biex ikompli jsaħħaħ il-proġett tal-WiFi b’xejn fi spazji pubbliċi. 

Il-Gvern qed ikompli bil-pjani li jsaħħaħ il-WiFi b’xejn fi spazji pubbliċi.

Rigward użu akbar tat-teknoloġija minn mindu faqqgħet il-kriżi tal-COVID-19, is-Segretarju Parlamentari qal li t-teknoloġija ħadet spinta ‘l quddiem f’dawn iż-żminijiet tal-pandemija. Qal li ħafna kumpaniji qed joffru lill-impjegati tagħhom il-faċilità li jaħdmu permezz ta’ teleworking biex jonqos il-kuntatt uman, filwaqt li jiġu rrispettati r-rakkomandazzjonijiet tad-distanzi soċjali. Semma wkoll li qiegħed isir iktar użu minn pjattaformi ta’ video conferencing biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jikkomunikaw, filwaqt li sar investiment ikbar minn diversi kumpaniji f’servizzi ta’ eCommerce. 

Min-naħa l-oħra, hu qal li l-Gvern qed jara l-importanza ta’ dan il-qasam u filfatt għal darb’oħra qiegħed ivara l-programm edukattiv eBiznify, biex jara li jeduka kumpaniji żgħar u medji f’dan is-settur.

Intant, Inewsmalta staqsa wkoll xi pjani għandu l-Gvern fil-qasam tat-teknoloġija biex noħorġu aktar b’saħħitna minn din il-pandemija. Clayton Bartolo qal li r-riċerka u t-teknoloġija huma vitali biex noħorġu mill-pandemija kemm jista’ jkun malajr. Qal li kien għalhekk li ġie mniedi fond ta’ riċerka b’valur ta’ €5.3 miljun biex tingħata għajnuna lir-riċerkaturi f’riċerka relatata mal-COVID-19. Semma wkoll li ġie mniedi unur li se jinċentiva soluzzjonijiet diġitali li jistgħu jgħinu kontra l-imxija tal-COVID-19 f’Malta. 

Sport