Min-naħa tiegħu d-Deputat Kummissarju Ramon Mercieca spjega li l-Pulizija żiedet l-preżenza viżibbli tagħha fil-komunità ta’ Tas-Sliema biex isserraħ moħħ mhux biss il-komunità, iżda wkoll dawk li jaħdmu fil-post jew jattendu fl-imsemmija lokalità għal raġunijiet ta’ divertiment. Huwa sostna li hija prijorità għall-Korp li joffri spalla liċ-ċittadini f’mumenti bħal dawn. Żied jgħid li l-lokalità ma kinitx premeditata u dan hekk kif persuna li tkun se tagħmel reati simili żġur li ma kienx jagħżel post daqstant iffullat.
Mercieca kkonferma li l-Pulizija qiegħda tħabbat il-bibien tar-residenzi u toffri sostenn lil dawn ir-residenti u l-Pulizija żiedet ir-rondi biex bl-aktar mod sempliċi dak li jkun jista’ jiġbed l-attenzjoni tal-Pulizija biex dawn in-nies iħossuhom aktar siguri.
Barra minn hekk huwa fakkar li bil-mezzi tat-telekomunikazzjoni moderna, m’hemmx għalfejn dak li jkun jinżel b’mod fiżiku fl-għases biex jiġbed l-attenzjoni tagħhom.
Huwa appella lill-pubbliku biex ma jagħlaqx għajn quddiem informazzjoni li tista’ twassal biex tipprevjeni reati kriminali.