Thursday, December 26, 2024

Pajjiżna se jilqa’ familja mill-Afganistan li teħtieġ protezzjoni

Aqra wkoll

Il-ministri tal-intern tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu fi Brussell sabiex jiddiskutu s-sitwazzjoni fl-Afganistan u l-implikazzjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni u s-sigurtà fl-Unjoni Ewropea. Waqt laqgħa straordinarja tal-Kunsill, il-ministri tkellmu fit-tul dwar l-aħħar żviluppi li ġraw fir-reġjun u qablu li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ taġixxi b’vuċi waħda biex tiġi evitata kriżi umanitarja. Għaldaqstant, ġiet adottata dikjarazzjoni konġunta li telenka l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward.

Id-dikjarazzjoni tesiġi li għandha tingħata għajnuna fir-reġjun sabiex l-Unjoni Ewropea tipprevjeni sitwazzjoni fejn it-traffikanti tal-bnedmin jieħdu vantaġġ mill-instabilità li ħakmet il-pajjiż. Fil-fatt, il-ministri talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi aktar għajnuna finanzjarja lil dawn il-pajjiżi. L-Unjoni Ewropea ser tipprovdi għajnuna finanzjarja lil organizazzjonijiet internazzjonali sabiex jassiguraw li l-għajnuna umanitarja tasal għand dawk li l-aktar għandhom bżonnha.

Id-diskussjoni ffukat ukoll fuq l-aspett tas-sigurtà, hekk kif il-ministri lkoll saħqu dwar l-impatt li jista’ jkollha din is-sitwazzjoni, b’mod partikolari rigward it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

Il-Kunsill wera l-appoġġ tiegħu biex jiġu evakwati dawk il-persuni li ħadmu mal-Unjoni Ewropea u għadhom fl-Afganistan wara l-attakki tal-ajruport ta’ Kabul. Il-ministri appellaw għall-ħtieġa li tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni fir-reġjun u li tingħata għajnuna umanitarja lil persuni vulnerabbli. Dan filwaqt li l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea jkunu protetti b’mod effettiv u titħares is-sigurtà fl-istati membri.

Fl-intervent tiegħu l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li minkejja l-isfidi li ħabbat wiċċu magħhom pajjiżna fl-aħħar snin, kawża tal-immigrazzjoni irregolari, Malta xorta offriet li tagħmel il-parti tagħha fl-isforzi li għaddejjin bħalissa sabiex tingħata għajnuna lil Afgani li qed jaffaċċjaw periklu għal ħajjithom. Fid-dawl ta’ dan, Malta ser tkun qed tilqa’ familja ta’ tliet persuni mill-Afganistan li jeħtieġu protezzjoni ‘l barra minn pajjiżhom.

Ekonomija

Sport