Se ssir minuta silenzju fil-logħob tal-ogħla livell tal-Brażil b’ġieħ partitarja li mietet wara li ntlaqtet minn flixkun tal-ħġieġ barra ground.
Il-partitarja ta’ Palmeiras, Gabriela Anelli, ta’ 23 sena, kienet fil-kju barra l-Allianz Parque f’Sao Paulo nhar is-Sibt meta ntefa’ flixkun waqt ġlieda bejn il-partitarji ta’ Palmeiras u Flamengo.
Hija sofriet qatgħa f’għonqha u mietet jumejn wara fl-isptar.
“Grazzi lil kull min talab għal oħti,” qal ħuha.
“Hija marret tgħix m’Alla fis-sema,” żied Felipe Anelli fuq Instagram.
Ednaldo Rodrigues, President tal-Konfederazzjoni Brażiljana tal-Football (CBF), qal li qed jaħdem mal-gvern federali u korpi rilevanti oħra biex iwaqqaf “episodji kriminali u ta’ dieqa bħal dan milli jerġgħu jseħħu”.
“Il-football huwa passjoni u mhux spazju għall-azzjoni ta’ kriminali li jinfiltraw fil-partitarji biex jipprattikaw kull tip ta’ vjolenza,” huwa qal.
Waqt il-konfront, il-pulizija ġew attakkati bi fliexken tal-ħġieġ u użaw il-pepper spray biex jippruvaw jirrestawraw l-ordni.
L-ispray niżel fil-ground u r-referee kellu jwaqqaf il-partita darbtejn fl-ewwel taqsima minħabba li l-players ħassew irritazzjoni f’għajnejhom u f’imneħirhom.
L-attakkant Brażiljan ta’ Arsenal, Gabriel Jesus, kien fost dawk li taw ġieħ lil Anelli, u sejjaħ l-inċident bħala “jum ta’ dieqa għall-football Brażiljan”.
“Gabi kellha biss 23 sena u kellha ħajja sħiħa quddiemha, li spiċċat titneħħa mill-vjolenza fl-istadiums,” kiteb tweet Jesus. “J’Alla nirriflettu u ningħaqdu għat- tmiem ta’ din il-vjolenza. U Alla jfarraġ lill-familja ta’ Gabi …”
Palmeiras “esprimew is-solidarjetà” mal-familja ta’ Anelli billi qalu: “Ma nistgħux naċċettaw li tfajla ta’ 23 sena tkun vittma ta’ barbariżmu f’ambjent li għandu jkun wieħed ta’ divertiment”.
Flamengo ttweetjaw: “F’okkażjoni li kellha tkun tilwima purament sportiva, mara żagħżugħa tilfet ħajjitha b’mod barbaru u inġustifikabbli li jistħoqqlu li jiġi kkastigata b’mod rigoruż.”
Kelliem għall-pulizija qal nhar it- Tnejn li l-persuna responsabbli li tefgħet il-flixkun ġiet arrestata u se tkun akkużata b’omiċidju intenzjonat.