Vittmi ta’ vjolenza domestika li jkunu għamlu rapport mal-pulizija u risk assessment, fejn l-iscore tal-assessment jirriżulta li jkunu jinsabu f’riskju għoli jew f’każijiet oħra fejn il-pulizija li tkun qed tinvestiga tħoss li l-vittma tinsab f’riskju, anke jekk mhux identifikat mir-risk assessment, issa se jkollhom il-possibilità li jibbenefikaw minn miżura ta’ appoġġ addizzjonali. Dan apparti l-protezzjoni u s-sigurtà kollha li teżisti llum.
Dawn il-vittmi se jkunu qed jingħataw, bi qbil magħhom, panic alarm, liema apparat huwa żgħir apposta sabiex ikun jista’ jintlibes jew jinżamm fuq il-persuna, bil-faċilità li f’każ ta’ emerġenza, il-vittma tkun tista’ tagħfsu u taqbad direttament mal-pulizija tal-emerġenza. Dan is-servizz ġdid ta’ panic alarms se jibda jingħata mill-1 ta’ Lulju li ġej.
Fi briefing li sar għall-ġurnalisti, ġie spjegat kif dan l-apparat jingħata mill-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità, jekk dejjem ikun hemm il-kunsens tal-vittma, fejn issir laqgħa mal-vittma u jiġi spjegat fid-dettall kif taħdem u kif għandha tintuża.
L-apparat innifsu huwa ċkejken u mgħammar b’teknoloġija li tagħti l-lokalizzazzjoni tal-vittmi (il-parametri ta’ fejn tkun) mal-mument li jingħafas. Dan kollu se jkun spjegat lill-vittma, u għalhekk mal-panic alarm se jintalbu l-aktar dettalji possibbli, bħal postijiet fejn toqgħod il-vittma, fejn tiffrekwenta, postijiet fejn taħdem eċċ. Dan sabiex meta tiġi magħfusa din il-panic alarm, il-pulizija jkollhom dawn id-dettalji kollha fis-sistema tagħhom u jkunu jistgħu jsibu lill-persuna fl-inqas ħin possibbli.
Il-vittma għandha dritt li twaqqaf dan is-servizz meta trid u se ssir enfasi kbira, li dan l-apparat mhux qiegħed jieħu post l-ebda servizz ieħor ta’ emerġenza, inkluż il-112. Dan il-panic alarm għandu jintuża biss f’każijiet fejn il-vitttma ma tistax titkellem jew iċċempel u allura m’għandha l-ebda mod ieħor kif tagħmel kuntatt għall-għajnuna. Mal-ħin li tiġi magħfusa l-panic alarm, dan l-apparat jibqa’ jagħti signals ta’ fejn tkun qed tiċċalqlaq il-vittma, u jintefa’ biss mill-pulizija li jkunu marru fuq il-post.
Dan l-apparat jibqa’ aċċessibbli għall-vittma sal-punt li l-proċeduri tal-Qorti għadhom għaddejjin. Malli jitwaqqfu dawn il-proċeduri, jew tingħata sentenza mill-Qorti, dan l-apparat għandu jiġi rritornat lill-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità. Vittma terġa’ tkun intitolata għal dan is-servizz, mal-punt li tagħmel rapport ġdid, u jerġa’ jsirilha risk assessment ieħor.
Il-Ministru Camilleri ddeskriva dawn il-panic alarms bħala għodda oħra ta’ prevenzjoni, filwaqt li appella lill-vittmi li jkunu qed jagħmlu użu minnhom biex dejjem jibqgħu viġilanti. “Il-panic alarm ma jfissirx li ser issolvi l-vjolenza domestika. Ma jfissirx li għax wieħed ikollu l-panic alarm xi ħadd jista’ jilludi ruħu li biha biss huwa sigur. Din hija għodda oħra favur il-vittma u huwa ħolqa oħra fil-kullana ta’ inizjattivi li għandna marbuta mal-prevenzjoni. Se jkun importanti, imma mhuwiex xi bakketta maġika. Ebda pajjiż, ebda soċjetà mhuma immune għal din il-pjaga tal-vjolenza domestika, jekk taraw x’qed jiġri madwarna dan tifhmuh. Min-naħa l-oħra għandna l-obbligu li nkomplu ninvestu u nsaħħu s-servizzi tagħna u hekk se nibqgħu nagħmlu, f’settur fejn irid ikun hemm sinerġija bejn ħafna msieħba differenti,” temm il-Ministru Camilleri.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet fuq l-importanza tal-introduzzjoni ta’ din l-għodda ġdida, li se tipprovdi livell ieħor ta’ protezzjoni lill-persuni li jistgħu jkunu f’riskju għoli ta’ vjolenza domestika. Hija spjegat kif din l-inizjattiva tifforma parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern biex jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u ta’ reazzjoni għall-vjolenza domestika.