Ir-Russja qanqlet paniku u ġenn sħiħ hekk kif bdiet tevakwa n-nies li joqogħdu qrib l-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia. Fil-fatt, eluf ta’ nies kellhom jevakwaw bil-karozzi u telqu mill-post.
Din l-ekakwazzjoni mir-reġjun ta’ Zaporizhzhia ssejjħet qabel ma r-Russja tibda l-offensiva fuq il-belt kapitali Ukrena, Kiev.
L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Nukleari, (IAEA), li hija l-għassies nukleari tan-Nazzjonijiet Uniti wissiet li jista’ jseħħ inċident nukleari qawwi.
Meta tkellem mal-programm Newshour tal-BBC Rafael Grossi – id-direttur tal-IAEA – qal li l-evakwazzjoni tar-residenti qrib il-faċilità nukleari kienet indikazzjoni possibbli ta’ ġlied qawwi bejn il-forzi Russi u Ukreni madwar l-impjant. Qal ukoll li għalkemm ir-reatturi tal-impjant ma kinux qed jipproduċu l-elettriku, xorta kienu mgħobbija b’materjal nukleari.
Aktar kmieni, l-IAEA wissiet fi stqarrija li s-sitwazzjoni fil-faċilità ta’ Zaporizhzhia kienet qed issir dejjem aktar imprevedibbli u potenzjalment perikoluża.
Il-ħaddiema tal-impjant kien għadhom fuq is-sit iżda kien hemm tħassib kbir dwar il-kundizzjonijiet dejjem aktar tensi, stressanti u ta’ sfida għalihom u għall-familji tagħhom.
L-esperti tal-IAEA fl-impjant kienu rċevew informazzjoni li l-evakwazzjoni mħabbra tar-residenti mill-belt fil-qrib ta’ Enerhodar fejn jgħixu l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema tal-impjant kienet bdiet.