Monday, December 23, 2024

“Papa Franġisku huwa l-aqwa mexxej dinji li għandna bħalissa”

Aqra wkoll

L-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo ddeskrvia lil Papa Franġisku bħala li huwa l-aqwa mexxej dinji li għandna bħalissa.

F’kumment Evarist Bartolo qal li “fil-jumejn li ġejjin se jkollna x-xorti li se jkollna fostna lill-Papa Franġisku. Huwa Papa speċjali. Jgħix il-valuri tal-umiltà, tal-ħniena, tal-impenn favur il-foqra u l-imwarrbin u djalogu bejn ir-reliġjonijiet differenti. Impenjat li jbiddel (għalkemm diffiċli ħafna) lill-knisja għax iridha sptar sempliċi u bażiku fil-kamp tal-battalja biex tfejjaq mill-aħjar li tista’ lill-miljuni ta’ feruti u mweġġa’ mad-dinja kollha: il-fqar, il-maħqura, ir-rifuġjati … dawk li jgħixu fit-tarf tas-soċjetà. Jgħid li Kristu totalment differenti mill-Qassisin Għoljin li kkundannawh għall-mewt u jrid li l-Knisja tkun ta’ Kristu mhux tal-Qassisin Għoljin.”

Evarist Bartolo jisħaq li “isejjaħ lilu nnifsu midneb u flok jikkundanna, jħenn u jaħfer. Tolqtu ħafna l-grajja li waqt li l-Qassisin Gholjin riedu jikkundannaw u jħaġġru lill-prostituta biex jimxu mar-regoli reliġjużi, Kristu qalilhom: “Min hu bla dnub, jitfa’ l-ewwel ġebla.” Kollha telqu: wieħed, wieħed. Għalija Papa Franġisku huwa l-aqwa mexxej dinji li għandna bħalissa. Ħadd ma joqgħod ħdejh. Waqt li l-mexxejja l-oħra jżidu n-nefqa fuq l-armamenti (b’inqas flus għall-edukazzjoni, is-saħħa, is-servizzi soċjali u l-iżvilupp il-Papa jgħid li din il-ġirja ġdida għall-armamenti hija ġenn.”

Ikompli jgħid li “jikkundanna kull gwerra, mhux biss dik ta’ naħa jew oħra. Jaħdem favur il-paċi u n-negozjati fil-madwar 40 gwerra u kunflitt li għandna bħalissa fid-dinja. Jikkundanna l-globalizzazzjoni tal-indifferenza li tħalli l-immigranti jgħerqu fil-Mediterran u f’ibħra oħra madwar id-dinja u jiġu maħqura f’ħafna pajjiżi differenti tad-dinja. Jumejn ilu Papa Frangisku qal li li se jkun iżur Malta – “dik l-art mimlija dawl”, jimxi fil-passi ta’ San Pawl li ġie salvat hawn Malta u milqugħ wara n-nawfraġju tax-xini tiegħu f’maltempata kbira li kien qed jieħdu lejn Ruma. Il-Papa faħħar lil Malta li qed tilqa’ nisa u rġiel u tfal li jkollhom jitilqu minn art twelidhom ifittxu l-kenn u ħajja aħjar.’

Jgħid li “Il-Papa spiss jgħid li Kristjan mhux biżżejjed imur il-quddies, jitqarben u jattendi ċerimonji reliġjużi iżda mbagħad ma jħaddimx l-imħabba u l-ħniena fil-ħajja ta’ kuljum. Għalih ma jistax jissejjaħ Kristjan ta’ veru min jagħlaq qalbu u moħħu u jinfexx f’mibegħda għall-persuni jfittxu l-għajnuna, meqjusa inqas bnedmin għax għandhomx kulur tal-ġilda differenti jew għax għandhom twemmin u kultura differenti”, temm jgħid l-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo.

Ekonomija

Sport