Friday, December 13, 2024

Papa Franġisku jitkellem dwar iż-Żjara tiegħu f’Malta

Aqra wkoll

Nhar l-Erbgħa 6 ta’ April 2022, fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa fis-Sala Pawlu VI fil-Vatikan, il-Papa Franġisku tkellem hekk dwar il-Vjaġġ tiegħu f’Malta, li kien għadu kif temm tlett ijiem qabel. Dan huwa d-diskors sħiħ tiegħu li jiena qlibt mit-Taljan għall-Malti.

“Bi ħlewwa liema bħalha”

“Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba! Is-Sibt u l-Ħadd li għadda żort Malta: Vjaġġ Appostoliku li kien ilu ppjanat għal żmien twil mhux ħażin. Ġie pospost sentejn ilu minħabba l-Covid u l-konsegwenzi tiegħu. Ħafna nies ma jafux li Malta, minkejja li hija gżira f’nofs il-Mediterran, irċeviet l-Evanġelju kmieni ħafna. Għaliex? Għax l-Appostlu Pawlu kien nawfragu qrib ix-xtut tagħha u b’miraklu salva flimkien ma’ dawk kollha li kienu fuq il-vapur miegħu – aktar minn mitejn u sebgħin ruħ. Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jirrakkonta li l-Maltin laqgħuhom kollha, u juża dan il-kliem: ‘bi ħlewwa liema bħalha’ (28:2).” 

“Għażilt proprju dan il-kliem – bi ħlewwa liema bħalha – bħala l-motto tal-Vjaġġ tiegħi għax jindika t-triq li wieħed għandu jimxi, mhux biss biex jiffaċċja l-fenomenu tal-immigranti, iżda b’mod aktar ġenerali, sabiex id-dinja ssir aktar fraterna, li tista’ aktar tgħix fiha, u sabiex niġu salvati minn “nawfraġju” li jhedded lilna lkoll. Għax aħna lkoll – kif tgħallimna – ninsabu fl-istess dgħajsa, ilkoll kemm aħna. Minn dil-perspettiva, Malta hija post ewlieni.”

Pajjiż Żgħir imma Għani

“Fuq kollox, ġeografikament, minħabba l-pożizzjoni tagħha fiċ-ċentru tal-Baħar bejn l-Ewropa u l-Afrika, li jaħsel ukoll ix-xtut tal-Asja. Malta hija speċi ta’ ‘warda tar-riħ’, fejn il-popli u l-kulturi jiltaqgħu. Huwa post perfett biex tosserva ż-żona tal-Mediterran minn perspettiva ta’ 360º. Illum ħafna drabi nisimgħu dwar il-‘ġeopolitika’. Iżda sfortunatament, il-loġika dominanti hija dak tal-istrateġiji tal-pajjiżi l-aktar qawwija biex jaffermaw l-interessi tagħhom stess, jestendu ż-żona tagħhom ta’ influwenza ekonomika, jew ta’ influwenza ideoloġika, u/jew influwenza militari. Dan qed narawh mill-gwerra.” 

“F’din l-iskema, Malta tirrappreżenta d-drittijiet u l-qawwa tan-nazzjonijiet ‘iż-żgħar’, żgħar imma għonja fl-istorja u ċ-ċiviltà li għandhom iwasslu għal loġika oħra – dik tar-rispett u l-libertà – il-loġika tar-rispett u wkoll il-loġika tal-libertà, tal-libertà. koeżistenza ta’ differenzi, kuntrarja għall-kolonizzazzjoni ta’ dawk l-aktar qawwija. Dan qed naraw bħalissa. U mhux biss minn naħa waħda: anke minn oħrajn…” 

“Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, sar tentattiv biex jitqiegħdu l-pedamenti ta’ era ġdida ta’ paċi. Iżda, sfortunatament – qatt ma nitgħallmu, hux? – issuktat l-istorja antika tal-kompetizzjoni bejn il-poteri l-kbar. U, fil-gwerra attwali fl-Ukrajna, qed nassistu għall-impotenza tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda.”

Il-Fenomenu tal-Immigrazzjoni

“It-tieni aspett: Malta hija post ewlieni fir-rigward tal-fenomenu tal-migrazzjoni. Fiċ-ċentru ta’ merħba Ġwanni XXIII, iltqajt ma’ bosta immigranti li niżlu fuq il-gżira wara vjaġġi terribbli. Ma rridu qatt niddejqu nisimgħu x-xhieda tagħhom għax b’hekk biss nistgħu noħorġu minn viżjoni mgħawġa li ħafna drabi tiġi ċċirkolata fil-mass media, u jistgħu joħorġu l-uċuħ, l-istejjer, il-feriti, il-ħolm u t-tamiet ta’ dawn l-immigranti.”

“Kull immigrant huwa uniku. Hu jew hi mhuwiex numru imma persuna. Kull wieħed huwa uniku bħal kull wieħed minna. Kull immigrant huwa persuna b’dinjità, b’għeruq, b’kultura. Kull wieħed minnhom iġib ġid infinitament akbar mill-problemi li jiġu magħhom. U ma ninsewx li l-Ewropa kienet magħmula minn migrazzjonijiet.”

“Ċertament li l-akkoljenza tagħhom trid tkun organizzata – dan hu minnu – u sorveljata; u qabel, ħafna qabel, trid tiġi ppjanata flimkien, fuq livell internazzjonali. Il-fenomenu tal-migrazzjoni ma jistax jiġi ridott għal kriżi; huwa sinjal ta’ żminijietna. Għandu jinqara u jiġi interpretat bħala tali. Jista’ jsir sinjal ta’ kunflitt, jew aħjar sinjal ta’ paċi. Jiddependi minn kif neħduh; jiddependi minna.” 

“Dawk li welldu ċ-Ċentru Ġwanni XXIII f’Malta għamlu l-għażla Nisranija. Huwa għalhekk li jissejjaħ ‘Laboratorju tal-Paċi’. Imma rrid ngħid li Malta kolha hija laboratorju għall-paċi! In-nazzjon kollu permezz tal-attitudnijiet, l-attitudnijiet tiegħu stess, huwa laboratorju għall-paċi. U Malta tista’ tirrealizza dan, il-missjoni tagħha, jekk tiġbed mill-għeruq tagħha il-valuri sodi tal-fraternità, kompassjoni u solidarjetà. Il-poplu Malti rċieva dawn il-valuri, flimkien mal-Vanġelu. U, grazzi għall-Evanġelju, jista’ jżommhom ħajjin.”

Malta Missjunarja

“Għal din ir-raġuni, bħala Isqof ta’ Ruma, mort nikkonferma lil dawk in-nies fil-fidi u fil-komunjoni. Fil-fatt – it-tielet aspett – Malta hija l-post ewlieni mill-perspettiva tal-evanġelizzazzjoni wkoll. Minn Malta u minn Għawdex, iż-żewġ djoċesijiet tal-pajjiż, ħarġu ħafna saċerdoti u reliġjużi, iżda anke fidili lajċi, biex iwasslu x-xhieda Nisranija tagħhom mad-dinja kollha. Bħallikieku l-vjaġġ ta’ Pawlu hemm ħalla l-missjoni fid-DNA tal-Maltin! Għal din ir-raġuni, iż-żjara tiegħi kienet fuq kollox att ta’ gratitudni – gratitudni lejn Alla u lejn il-poplu qaddis u fidil minn Malta u Għawdex.”

“Minkejja dan, jonfoħ hemm ukoll ir-riħ tas-sekulariżmu, ta’ psewdokultura globalizzata bbażata fuq il-konsumiżmu, in-neokapitaliżmu u r-relattiviżmu. Għalhekk, wasal iż-żmien għal evanġelizzazzjoni ġdida hemmhekk ukoll. Bħal dawk ta’ qabli, iż-żjara li għamilt fil-Grotta ta’ San Pawl kienet bħal ritorn lejn l-għejun biex il-Vanġelu jgelgel f’Malta bil-freskezza tal-bidu u jerġa’ jqajjem il-wirt kbir tagħha ta’ reliġjożità popolari. Dan huwa simbolizzat fis-Santwarju Marjan Nazzjonali ta’ Ta’ Pinu fil-gżira Għawdxija fejn iċċelebrajna mument intens ta’ talb. Hemmhekk smajt il-qalb tal-poplu Malti tħabbat. Għandhom fiduċja immensa fl-Omm Qaddisa tagħhom.” 

“Marija dejjem iġġibna lura għall-essenzjali, lejn Kristu Msallab u Rxoxt. U dan tagħmlu għalina, għall-imħabba ħanina tiegħu. Marija tgħinna nqajmu l-fjamma tal-fidi billi niġbdu mill-fjamma tal-Ispirtu s-Santu li tattira ġenerazzjoni wara l-oħra għat-tħabbira ferrieħa tal-Evanġelju, għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza! Ma ninsewx din, din il-frażi ta’ San Pawlu VI: il-vokazzjoni tal-Knisja hi li tevanġelizza. Il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza. Dan ma ninsewhiex din għax hija l-isbaħ definizzjoni tal-Knisja.”

Gratitudni

“Nieħu din l-okkażjoni biex inġedded il-gratitudni tiegħi lejn il-President tar-Repubblika ta’ Malta, kollu korteżija u fraternità: grazzi lilu u lill-familja tiegħu; lill-Prim Ministru u lill-Awtoritajiet Ċivili l-oħra li laqgħuni b’tant qalb tajba; kif ukoll lill-Isqfijiet u lill-membri kollha tal-komunità ekkleżjali, lill-voluntiera u lil dawk kollha li akkumpanjawni fit-talb.” 

“Ma rridx nonqos milli nsemmi ċ-Ċentru ta’ merħba għall-Immigranti, Ġwanni XXIII: u l-Patri Franġiskan t’hemmhekk [Patri Dijonisju Mintoff] li jżommu għaddej fl-età ta’ 91 sena, u jkompli jaħdem hekk mal-kollaboraturi tad-djoċesi. Huwa eżempju ta’ ħeġġa appostolika u mħabba lejn l-immigranti li hija meħtieġa ħafna llum. Permezz ta’ din iż-żjara, niżirgħu, imma huwa l-Mulej li jkabbar. Jalla t-tjubija bla tarf Tiegħu tagħti frott abbundanti ta’ paċi u kull ġid lill-għażiż poplu Malti! Grazzi lill-poplu Malti ta’ merħba hekk umana, Nisranija. Grazzi ħafna.”

Ktieb dwar il-Papiet Kbar ta’ Żmienna

Jorge Mario Bergoglio. Min hu dar-raġel ta’ 85 sena li diġà ilu disa’ snin Papa? Kemm kien popolari fl-Arġentina qabel sar Papa? Għaliex kien l-ewwel Papa li ħa l-isem ta’ Franġisku? Hemm xebħ bejnu u l-Papa Ġwanni XXIII? Veru li Ġwanni XXIII kien l-ewwel Papa li tkellem bil-Malti? 

Veru li Papa Piju XII kien isalva lil-Lhud bil-moħbi minkejja li pubblikament qatt ma kkundanna lil Hitler? Veru li f’żgħożitu Papa Benedittu kien mal-Hitlerjugend, iż-żgħażagħ ta’ Hitler? Għaliex Pawlu VI ħafna jsejħulu l-Papa minsi? Kemm hu veru l-għidut li Papa Luciani miet wara li kien ilu biss xahar Papa għax qatluh? Għaliex San Ġwanni Pawlu t-Tieni għadu daqstant maħbub sbatax-il sena wara mewtu?

Dan u iktar fil-ktieb ġdid tiegħi “Il-Papiet Kbar ta’ Żmienna – Minn Piju XII sa Franġisku” li tista’ takkwistawh mil-Librerija Preca, il-Blata l-Bajda, maġenb il-Kappella tal-Museum. Hemm tistgħu ssibu wkoll diversi kotba li jitrattaw it-tagħlim tal-Papa Franġisku, fosthom żewġ traduzzjonijiet tiegħi għal Pubblikazzjonijiet Preca, “Il-Qawwa tal-Vokazzjoni” u “Ix-Xitan Imċanfar”.

Ekonomija

Sport