F’kumment ma’ dan is-sit wara l-mewt ta’ Papa Franġisku, l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna qal li: “dan huwa mument l-ewwelnett ta’ xokk kbir għalina, huwa stedina biex nitolbu hafna għall-Papa Franġisku imma fl-istess ħin nirringrazzjaw lil Alla li dan is-suċċessur ta’ San Pietru qeda l-missjoni tiegħu qrib ħafna tan-nies, b’mod speċjali tal-foqra u tal-vulnerabbli, tana eżempju sabiħ ukoll ta’ kif tgħix il-ħajja tal-Evanġelju fir-radikalità tiegħu, ġab ħafna riformi fil-Knisja imma fl-istess ħin ukoll stedinna biex niskopru l-ħniena ta’ Alla għalina nfusna u għal xulxin.”
Tkellimna wkoll ma’ Frank Zammit, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Vatikan, u mill-kummenti tiegħu dwar il-mewt, kemm il-Knisja Universali, imma wkoll għalina l-Maltin hu jħoss li din l-aħbar “ġiet fuqna b’sorpriża kbira, għax filli qed tara lill-Papa fi Pjazza San Pietru jipprova jikkomunika mal-poplu u f’daqqa waħda l-Papa miet. Jiena nibqa’ niftakru bħala l-Papa riformatur, ismu stess ġab differenza fil-knisja, minħabba l-fatt li kif daħal u għamel riformi fil-Kurja Rumana, it-temi li ġew diskussa taħtu, is-Sinodu, ir-riżultati li ħarġu minn dawn is-sinodi tal-Isqfijiet, l-assoċċazzjoni li kellu l-Papa mal-vulnerabbli, bħalma huma l-foqra, kien Papa taż-żgħir u kien Papa tal-poplu.”
Papa Franġisku għex il-ministeru tiegħu bħala veru ragħaj – wieħed li jmur ifittex in-nagħaġ mitlufa, li jisma’ bil-qalb u li jitkellem b’kuraġġ kontra l-inġustizzji. Għal ħafna, kien simbolu ta’ tama fi żmien ta’ inċertezza, u vuċi ta’ paċi f’dinja mifnija bil-kunflitti. Bħala Papa, u aktar bħala dixxiplu ta’ Kristu, hu dejjem fakkarna li l-Knisja trid tkun preżenti għal min hu midrub, u mhux tribunal għal min żbalja.
Iżda wieħed issa li jrid iħares ’il quddiem forsi jistaqsi issa x’ser jiġri għax kif ngħidu jmut Papa u jilħaq ieħor, u Frank spjegalna l-proċess tal-Konklavi, li issa “l-Camerlengo jibgħat għall-Kardinali kollha, li dawn iridu jiddeċiedu meta ser ikun il-funeral tiegħu, dawn jaslu mid-dinja kollha u hemm madwar 135 Kardinal bi dritt għall-vot, u fil-fatt hemm ħmistax aktar milli suppost, però dan il-Papa kien baqa’ jżid.
Wara li jsir il-funeral tal-Papa jibdew jiltaqgħu il-kongregazzjonijiet ordinarji tal-Kardinal u dawn isiru fl-Awla Papa Sesto u fl-Awla Sinodale, jiltaqgħu għal sigħat twal kuljum, jibdew jiddiskutu kollha xi jridu jaraw fil-Knisja mmexxija mill-Papa l-ġdid u l-Konklavi ma jkunx għadu beda, però hemmhekk ikun hemm nies li jispiċċaw fil-possibilità li jsiru Papa minn dawn il-kongregazzjonijiet ordinarji.
Wara ftit aktar minn tnax-il jum imbagħad issir il-quddiesa u minn hemm sigħat wara l-kardinali jinġabru fil-Kappella Pawlina, daqs għoxrin metru ’l bogħod mill-kappella Sistina, jidħlu fil-Kappella Sistina u jingħalqu għall-Konklavi”, fejn minn hemm imbagħad jitħabbar il-Papa l-ġdid li jiġi mxandar mill-gallarija tal-Vatikan.
Din fil-fatt hija t-tieni esperjenza ta’ konklavi fejn matulha nkunu qed nassistu għal konklavi bis-sehem ta’ xi Kardinal Malti, u Frank spjega li “dan huwa Konklavi fejn ser ikun jista’ jivvota wkoll għat-tieni darba l-Kardinal Malti, il-Kardinal Mario Grech, wara li Fabrizio Sciberras Testaferrata, kellu l-vot u bejn l-1823 u l-1831 daħal fil-konklavi għal tliet darbiet; ta’ Piju VIII, ta’ Papa Ljun XII u ta’ Papa Gregorju XVI”.
Il-Konklavi huwa l-proċess li bih jintgħażel Papa ġdid, u għandu importanza spiritwali u storika kbira fil-ħajja tal-Knisja Kattolika. Il-kelma “konklavi” ġejja mil-Latin cum clave, li tfisser “magħluq b’ċavetta”, għax matul dan il-proċess il-kardinali eletti jinġabru f’ambjent magħluq – fil-każ tal-Vatikan, kif qalilna Frank Zammit fil-kappella Sistina, biex, taħt l-għajn u l-gwida tal-Ispirtu s-Santu, jagħżlu s-suċċessur ta’ San Pietru.
Il-Konklavi għalhekk iseħħ wara l-mewt jew ir-riżenja ta’ Papa u wara fil-każ ta’ mewt ikun sar il-funeral, li mistenni jkun madwar disat ijiem oħra. Il-kardinali taħt l-età ta’ 80 sena jissieħbu f’din l-elezzjoni, u fil-ġurnata ta’ kull votazzjoni, isir vot sigriet. Ir-riżultat jitħabbar permezz ta’ dħaħen; jekk iswed ikun għadu ma ntgħażilx Papa, abjad jekk l-elezzjoni rnexxiet u ntgħażel Papa ġdid.
Għalhekk, il-Konklavi mhuwiex biss att politiku jew amministrattiv; huwa att spiritwali u ta’ dixxerniment profond, u li matulu l-Kardinali jitolbu l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex jagħżlu l-Papa li se jmexxi lill-Knisja f’dinja li dejjem tinbidel, b’fidi soda, b’umiltà u b’viżjoni pastorali. Meta jkun elett, il-Papa l-ġdid jaċċetta r-responsabbiltà tiegħu bħala ragħaj universali, u minn hemm jibda kapitlu ġdid għall-Knisja u għad-dinja kollha.
Iżda nibqgħu niftakru l-memorja ta’ Papa Franġisku, li għalkemm il-mewt tiegħu hija mument ta’ niket għad-dinja, iżda hija riflessjoni spiritwali. Inħarsu lejn ħajtu bħala rigal, sejħa kontinwa biex inħobbu aktar, naqdu b’umiltà, u ngħixu l-fidi tagħna b’ġenerożità. Jalla l-wirt spiritwali tiegħu jibqa’ jgħix fina, u jkompli jmexxina lejn qalb Alla, mimlija mħabba, ħniena u ġustizzja.