Saturday, May 10, 2025

“Papa Ljun XIV miss direttament mal-faqar”- Fr Leslie Gatt OSA

Aqra wkoll

Il-ħatra ta’ Papa ġdid dejjem tkun mument storiku għall-Knisja Kattolika u għad-dinja kollha. Kienu ħafna dawk in-nies minn madwar id-dinja li l-Ħamis li għadda segwew permezz tat-televixin jew permezz tal-midja soċjali dak li kien għaddej fil-Vatikan biex jieħdu l-ewwel aħbar u min kien se jkun il-Papa l-ġdid.

Wara talb, diskussjonijiet u votazzjonijiet fil-konklavi, il-kardinali miġburin fil-Vatikan għażlu l-Papa l-ġdid bħala l-mexxej spiritwali tal-Knisja Universali. Il-ħruġ tad-duħħan abjad mill-kamra tas-Sistina kien sinjal ċar li ntlaħaq qbil, u ftit wara fost ħafna għajjat u ċapċip mill-folla f’Ruma li nġabret fil-pjazza tal-Vatikan, fid-dawl tal-istorja u tradizzjoni, tħabbar: “Habemus Papam.” 

Din il-frażi, frażi li kienet mistennija minn ħafna  tfisser “Għandna Papa,” frażi li ġabet magħha emozzjonijiet ta’ ferħ, kurżità u tama ġdida fost miljuni ta’ Nsara madwar id-dinja li kienu qed isegwu bi ħġarhom.

Il-Papa l-ġdid jiġi magħżul mhux biss biex imexxi lil Ruma u l-Knisja, iżda biex ikun simbolu ta’ unità għall-Knisja kollha. Hu msejjaħ biex iwassal il-messaġġ ta’ Kristu f’dinja li qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi soċjali, ambjentali u spiritwali. Il-figura papali tiġbor fiha l-awtorità, il-kompassjoni u l-ħila li tilħaq lill-popli kollha, anke lil dawk li mhumiex kattoliċi. Mhux ta’ b’xejn li l-Papa maħtur iħoss din ir-responsabbiltà li jkun lest li jġorr bl-għajnuna ta’ Alla.

Robert Francis Prevost, Kardinal Amerikan li ġie magħżul minn fost il-Kardinali ħa l-isem ta’ Papa Ljun XIV. B’dan l-isem, ried juri impenn għal Knisja qawwija, magħquda u fidila lejn Kristu. Ismu, l-ewwel messaġġ tiegħu lill-pubbliku, u l-istil tiegħu ta’ tmexxija jistgħu juru ħafna mill-viżjoni pastorali tiegħu. Kull Papa jġib miegħu storja, kultura u personalità ewlenija li tagħti ħajja ġdida lill-missjoni tal-Knisja. Il-kompitu tiegħu hu kbir: dak li jgħaqqad lill-fidili, jippromwovi l-paċi, u jiddefendi l-ġustizzja u d-dinjità tal-bniedem.

Din l-aħbar kbira għall-Knisja Universali u anke għall-Agostinjani b’mod speċjali għax il-Papa li hu Agostinjan ibbaża l-ewwel diskors tiegħu lill-udjenza fil-pjazza tal-Vatikan f’Ruma fuq il-kliem ta’ Santu Wistin. Kienu ħafna nies, fosthom Maltin li tefgħu xi ritratti tal-Papa l-Ġdid meta kien għal vista f’Malta fis-snin l-imgħoddija, u fost dawn insibu lil Fr Leslie Gatt, Provinċjal tal-Agostinjani ta’ Malta, li kellu kuntatt ma’ Papa Ljun XIV u f’din l-intervista qalilna li “kien mument emozzjonanti ħafna, speċjalment li jkollok kuntatt mal-Papa jew tkun tafu aktar mill-qrib, jiena sa nhar it-Tlieta qabel ma daħal għall-Konklavi bgħattlu messaġġ u weġibni lura.

Mhijiex xi ħaġa ta’ kuljum li jkollok il-Papa fil-lista tal-kuntatti tiegħek, jiġifieri hija emozzjoni kbira għalina li nafuh, u anke li kbieraħ meta ħareġ għamilha b’affermazzjoni li jgħid li jiena iben Santu Wistin, jiena Agostinjan, kienet xi ħaġa partikolari li ħass li għandu jsemmiha. Wara semma wkoll il-frażi ta’ Santu Wistin; Magħkom jiena Nisrani, għalikom jiena ragħaj, u huwa parti mill-Ispirtu li m’għandix dubju li ser ikun qed imexxih matul il-Pontifikat tiegħu.”

Huma ħafna n-nies li lbieraħ qamu jitkellmu għax laqtithom ferm il-ħarsa tal-Papa l-ġdid mimlija umiltà hekk kif rajnieh ħiereġ fil-gallarija, ħarsa mimlija emozzjoni u Fr Leslie wkoll ikkummenta li “l-ħarsa tiegħu hija pjuttost ħarsa mistħija jew riservata fid-dehra imma huwa persuna qrib ħafna tan-nies u dik hija kwalità sabiħa li għandu, anke bl-esperjenza missjunarji li għandu, u dan l-aspett tal-kliem ta’ Santu Wistin ser jagħmlu verament fil-prattika matul il-Papat tiegħu.”

Papa Ljun XIV kellu missjoni twila fil-Perù bħala missjunarju u miss direttament mal-faqar, u jidher li ser ikompli fuq il-passi ta’ Papa Franġisku, li ta min jgħid “kellu fiduċja fih bir-responsabbiltà kbira li tah, u huwa ċar ukoll li huwa kien jirreċiproka dan ir-rispett lejn Papa Franġisku u dan fil-fatt anke ħareġ fid-diskors ilbieraħ meta għamel l-ewwel indirizz tiegħu. M’għandix dubju li ser ikun qed ikompli fuq ċerti valuri u prinċipji li Papa Franġisku kienu għal qalbu, u ser ikun hemm anke l-marka tiegħu, anke l-fatt li ħareġ liebes il-munzetta, ser juri li mhux ser ikun sempliċiment kopja, imma ser ikollu l-imprompta tiegħu u jkompli fl-istess ħin fuq il-passi ta’ Papa Franġisku.”

Huwa żmien sabiħ, żmien ta’ tama, anke f’sena fejn qegħdin niċċelebraw il-Ġublew tat-tama, Ġublew b’mumenti li jittrasmettu ċertu tama u ċertu fiduċja u aħna Pellegrini ta’ tama jippreżentana bħala nies li qegħdin f’mixja, u l-Papa li għandna ġdid issa hemm din il-kontinwità minn Papa għal ieħor. Is-sabiħ hu li minn Papa għal ieħor il-knisja tkompli tgħix din l-esperjenza tagħna, inkomplu naraw fihom persuni ta’ tama, anke jekk kulħadd bil-personalità tiegħu, u naraw fihom modi differenti kif jittrasmettulna din l-imħabba u t-tama tagħna f’Ġesù.”

Fr Leslie ltaqa’ ħafna drabi ma’ Papa Ljun XIV u kellu ħafna kuntatti miegħu, tant li darba anke kien ġie mitlub mill-Isqof Charles Scicluna biex imur jilqgħu fil-VIP Lounge tal-ajruport Internazzjonali ta’ Malta, imbagħad kien anke mar għalih il-lukanda, akkumpanjah il-kunvent u qagħad anke miegħu fl-ajruport sakemm reġa’ qabad il-vjaġġ tiegħu lura. Papa Ljun XIV kien għamel ukoll viżta Kanonika u sema’ l-patrijiet Agostinjani f’Malta, u qagħad ikellimhom wieħed wieħed, fi żmien li hu kien Ġeneral. Kien ukoll anke qaddes f’xi parroċċi f’Malta matul iż-żjara tiegħu.

Bil-ħatra tal-Papa l-ġdid, il-Knisja tfakkar li l-Ispirtu s-Santu għadu jgħix u jmexxi. Dan il-mument ma jkunx biss bidla ta’ tmexxija, iżda stedina għall-Knisja kollha biex terġa’ titwieled fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba. Il-poplu ta’ Alla jilqa’ lill-Papa l-ġdid b’talb, rispett u rieda tajba għall-missjoni tiegħu fid-dinja ta’ llum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport