L-atleta tal-Wheelchair Para Darts Bradley Zerafa jinsab l-Ungerija fejn qed jieħu sehem fil-Hungarian Classic.
Is-Sibt hu tela’ biex jilgħab kontra żewġ kompetituri Arnost Hladky tar-Repubblika Ċeka u Attila Pinter tal-Ungerija. Hu rnexxielu jirbaħ lil Pinter 3-1 għalkemm tilef 3-0 kontra Hladky. Fil-finali għall-ewwel u t-tieni post, reġa’ kien l-atleta Ċek li rebaħ 4-1.
Sadanittant fil-Hungarian Masters Wheelchair ParaDarts, Zerafa wasal sas-semifinali wara li fil-fażi tal-gruppi għeleb lill-Ungeriżi Zsolt Szarvas 2-0 u Attila Pinter 2-1 għalkemm tilef ma’ Lajos Viragos Kis 2-1.
Fil-fażi tal-aħħar erbgħa, Zerafa kellu logħba tajba iżda kien żvinturat li tilef 3-1 kontra Arnost Hladky. Eventwalment hu rebaħ il-finali għat-tielet u r-raba’ post fejn il-plejer tal-ParaDarts Malti rebaħ lil Lajos Viragos Kis 2-0.
Bradley Zerafa jkun fl-azzjoni fi tmiem il-ġimgħa meta se jikkompeti fil-Malta Darts International Open li se jsir fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop.
Zerafa, li ilu jilgħab id-darts għal dawn l-aħħar 15-il xahar, wettaq progress enormi dan l-aħħar u mar ferm tajjeb f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali li ħa sehem fihom.
Sal-aħħar ta’ Ġunju, Zerafa żamm is-seba’ pożizzjoni minn 54 plejer u kellu total ta’ 234 punt.