Aċċessibilità akbar u parteċipazzjoni akbar fil-football, l-istabbiliment ta’ triq definita mill-grasroots għall-football tal-elite, u l-konsolidazzjoni ta’ inizjattivi ta’ responsabbiltà soċjali huma fil-qalba tal-missjoni tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol (IFF), imwaqqfa fl-aħħar sena bħala Organizzazzjoni Volontarja fi ħdan il-Malta FA.
L-impenn tal-Fondazzjoni diġà rriżultat fl-implimentazzjoni ta’ diversi proġetti fi ftit aktar minn sena kif spjega Gareth Sciberras, iċ-Chairman tal-IFF, waqt attività għall-media li saret it-Tlieta wara nofsinhar fis-Sala taċ-Ċentinarju f’Ta’ Qali.
“Il-Fondazzjoni hija mpenjata li żżid il-popolarità tal-football fil-livell tal-grasroots filwaqt li tikkontribwixxi lejn bidla soċjali pożittiva u t-tisħiħ tal-kulturá sportiva f’pajjiżna b’emfażi fuq l-inklużjoni,” qal Sciberras, ex player internazzjonali Malti.
“Il-missjoni tal-Fondazzjoni qed tiġi implimentata permezz ta’ diversi proġetti u inizjattivi li jixhdu l-progress li sar fis-setturi differenti fi ħdan il-mandat tal-IFF. Dan ċertament jawgura tajjeb għall-futur, billi nżidu l-motivazzjoni tagħna biex inkomplu ntejbu u nieħdu l-passi meħtieġa biex ngħinu lil uliedna jiffjorixxu filwaqt li nippromwovu l-valuri tal-IFF – biex inkunu affidabbli, nippromwovu l-inklussività, u nipprijoritizzaw ix-xogħol f’team u l-isport fl-isforzi kollha tagħna.”
Il-ħolqien tal-Fondazzjoni jirrappreżenta wieħed mill-pilastri tal-Istrateġija tal-Malta FA b’Dr Angelo Chetcuti, is-Segretarju Ġenerali tal-Malta FA, jesprimi s-sodisfazzjon tal-Assoċjazzjoni għall-proġetti li saru mill-IFF matul sena ta’ sfida minħabba l-COVID-19.
ŻVILUPP TAL-TALENT
Mill-perspettiva tal-iżvilupp tat-talent, l-IFF issa huwa responsabbli għall-organizzazzjoni tal-Kampjonat Nazzjonali taż-Żgħażagħ għat-timijiet ta’ taħt is-17-il sena, taħt il-15-il sena u taħt l-14-il sena.
Allinjat mal-prijorità tal-Fondazzjoni biex ittejjeb l-iżvilupp tal-players żgħażagħ, l-identifikazzjoni tat-talent u t-triq mill-grasroots għall-elite huwa l-proġett tar-Regional Football Hubs.
Ivan Woods, il-Manager tal-Grassroots tal-IFF, spjega li l-proġett tal-hub fil-grupp ta’ età U-14 ra l-parteċipazzjoni ta’ madwar 60 player minn disa’ nurseries differenti u total ta’ 115-il sessjoni ta’ taħriġ minn Settembru ‘l hawn.
Fl-aħħar ta’ April, intgħażlu 31 player biex jiffurmaw l-iskwadra nazzjonali ta’ taħt l-14-il sena li bħalissa qed jippreparaw għal żewġ partiti ta’ ħbiberija internazzjonali kontra l-Litwanja f’nofs Ġunju.
Aktar minn 100 player minn 18-il nursery differenti kienu involuti f’70 sessjoni ta’ taħriġ bħala parti mill-proġett Regional Football Hub fil-gruppi ta’ età U-12 u U-13.
GRASROOTS U FOOTBALL TAL-BNIET
Fil-livell tal-grassroots, l-IFF għandha żewġ proġetti għaddejjin – Fun Fit Football u UEFA Playmakers. Kurt Formosa, il-Kap Eżekuttiv tal-IFF, qal li dawn iż-żewġ proġetti jikkumplimentaw il-missjoni tal-Fondazzjoni li tħeġġeġ aktar tfal biex jipprattikaw l-isport u jgħixu stil ta’ ħajja attiv peress li Fun Fit Football huwa mmirat li jagħti lill-istudenti fl-iskejjel primarji l-opportunità li jippruvaw il-football filwaqt li l-UEFA Playmakers tintroduċi t-tfajliet, bejn ħames u tmien snin, għal-logħba tal-football permezz ta’ rakkont konvinċenti bbażat fuq films ta’ Disney.
Imnedija f’Ottubru, il-UEFA Playmakers kisbet popolaritá kbira b’aktar minn 30 ċentru, inklużi skejjel, girl guides u clubs tal-football tan-nisa, li qed jieħdu sehem f’dan il-programm. Jikkumplimenta inizjattivi oħra mmirati lejn il-bniet, fosthom is-sessjonijiet ta’ After Schools li reġgħu bdew din is-sena f’disa’ skejjel primarji u żewġ skejjel medji, u l-Akkademja tal-Bniet U-13.
FUTSAL, BEACH SOCCER U FSR
Qed tingħata wkoll importanza akbar lill-promozzjoni tal-futsal u l-beach soccer bl-inizjattivi meħuda minn dan id-dipartiment fosthom l-Akkademja tal-Futsal, l-organizzazzjoni tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Futsal U-16 u aktar avvenimenti tal-beach soccer immirati għaż-żgħażagħ.
Ir-responsabbiltà soċjali hija l-parti tal-Fondazzjoni li tikkoordina l-inizjattivi kollha relatati mal-aspetti soċjali u umanitarji. Permezz tal-proġetti tal-FSR, l-IFF flimkien mal-Malta FA qed jgħinu ħafna nies minn sfondi differenti permezz ta’ attivitajiet relatati mal-football.
Il-Fondazzjoni hija mmexxija minn Bord ta’ Amministraturi li huwa magħmul minn membri b’esperjenzi differenti fil-football lokali, jiġifieri Gareth Sciberras, l-ex player internazzjonali Malti Michael Galea (viċi-chairman), Dr Neville Gatt (Segretarju), Raymond Vella, l-ex captain ta’ Malta, l-ex player tat-team nazzjonali tan-nisa Sharon Costantino, Paul Galea, l-ex coach nazzjonali Pippo Psaila, Joe Cassar (jirrappreżenta lill-Youth FA), u Bjorn Vassallo u Dr Angelo Chetcuti (rappreżentanti tal-Malta FA).