Monday, May 13, 2024

PARTI MILL-IDENTITÀ TAGĦNA RIKONOXXUTA MILL-UNESCO

Aqra wkoll

Irnexxielna. Il-festa tradizzjonali Maltija hija uffiċjalment fil-Lista tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità tal-UNESCO. Din l-aħbar tajba ħadniha din il-ġimgħa wara laqgħa li saret fil-Botswana. Il-festa tagħna daħlet f’din il-lista wara snin ta’ ħidma fi proċess riġoruż, proċess li żgur li ma kienx wieħed faċli. Iżda, irnexxielna. Kif irnexxielna fil-każ tat-tradizzjonijiet tal-għana u tal-ftira Maltija. Dawn it-tliet tradizzjonijiet kulturali tagħna huma rikonoxxuti fuq livell internazzjonali f’din il-lista prestiġġjuża. Ta’ dan, bħala poplu, għandna veramment għalfejn inkunu kburin.

Il-proċess biex il-festa tradizzjonali Maltija titniżżel f’din il-lista kien ilu li beda mill-2019 u se nagħlqu l-2023 b’garanzija li din it-tradizzjoni se tkun protetta mill-korp internazzjonali tal-UNESCO. B’hekk u kif inhu xieraq, dak li għaddewlna missirijietna se jgħaddi wkoll għand uliedna u għand ulied uliedna.

Il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħha huma l-elementi li jagħtuna l-identità tagħna bħala poplu. Għaldaqstant, huwa importanti li nippreservawhom u nġedduhom. Iżda, huwa importanti li dan il-wirt tradizzjonali, li beda minn żmien il-Kavallieri u reġa’ tagħna l-ferħ wara s-snin iebsa tal-Gwerer Dinjin, nippreservawh fl-għan oriġinali tiegħu, jiġifieri dak ta’ ċelebrazzjoni ta’ festa reliġjuża. Nemmnu li l-festa, l-ewwel u qabel kollox, għandna tkun ċelebrazzjoni lituriġika fil-Knisja u mhux biss brijju fit-toroq. Nemmnu li l-festa, għandha ġġib l-għaqda u l-ferħ u mhux il-pika u l-ġlied. 

Din hija l-festa tradizzjonali Maltija. Dik li tgħaqqad il-familji u lill-komunità, il-knisja mżejna sabiħa u l-ħruġ tal-istatwa titulari milqugħa b’qima. Il-festa hija l-marċi brijjużi mill-baned u spettakli mill-isbaħ ta’ logħob tan-nar li aħna tant magħrufa għalihom. Dawn kollha jagħmlu l-festi tradizzjonali Maltija unika li mhux biss hija mfittxija mill-Maltin u l-Għawdxin, imma wkoll ta’ kull sena tattira eluf ta’ turisti f’pajjiżna . 

Issa, il-fatt li din it-tradizzjoni hija fil-lista tal-UNESCO, hekk kif ġara fil-każ meta l-Belt Valletta kienet il-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura (2018), żgur li l-kurżità tal-barranin dwar il-festi se tiżdied. Dan ifisser li se nilqgħu aktar turisti lejn pajjiżna b’benefiċċju awtomatiku għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Ir-rikonoxximent tal-festa tradizzjonali Maltija huwa pass ieħor ‘il quddiem lejn il-preservazzjoni għal dak li huwa tagħna bħala poplu. Issa li rnexxielna għandna naraw li, filwaqt li nkomplu ngawduhom bl-aħjar mod possibbli, inkunu responsabbli li din it-tradizzjoni tkompli tkun ta’ valur kbir kemm lokalmentt, kif ukoll fuq livell internazzjonali. Aktar minnhekk, naraw li din it-tradizzjoni tkompli tkun wirt għal ġenerazzjoni wara l-oħra. Dan  għax, huwa proprju dan il-wirt tradizzjonali li wassalna biex b’suċċess nidħlu fil-Lista tal-UNESCO.

Sport