Tliet persuni kellhom jittieħdu lejn l-Isptar Mater Dei wara li lbieraħ għall-ħabta tas-7:30 p.m kienu involuti f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Għajn Tuffieħa l-Imġarr.
Minn investigazzjoni li saret irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Toyota Vitz misjuqa minn raġel ta’ 40 sena residenti l-Mellieħa u Isuzu Trooper misjuqa minn raġel ta’ 61 sena residenti Ħad-Dingli. Passiġġiera fl-ewwel karozza kien hemm mara ta’ 44 sena residenti n-Naxxar.
Fil-post issejjaħ minnufih tim mediku u ambulanzi li ħadu lit-tliet persuni lejn l-Isptar għal aktar attenzjoni medika. S’issa għadha mhijiex magħrufa l-kundizzjoni tagħhom.
Kawża tal-inċident it-Triq kellha tingħalaq temporanjament għat-traffiku filwaqt li l-Pulizija kompliet għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.