Partijiet minn Spanja qegħdin jesperjenzaw temperaturi għoljin ħafna li huma fost l-ogħla qatt immarkati fix-xahar ta’ Mejju. Saħansitra f’ċertu postijiet it-temperatura mmarkat 40oC.
Fid-dawl ta’ dan kollu, matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet, l-aġenzija tat-temp AEMET ħarġet twissija f’għaxar reġjuni u ddeskriviet is-sitwazzjoni tat-temp bħala “waħda mill-iktar mewġiet tas-sħana intensivi” f’dawn l-aħħar snin.
Il-belt ta’ Jaén fin-Nofsinhar ta’ Spanja kienet fost dawk li mmarket temperaturi rekord għal dan iż-żmien tas-sena fejn hemm it-temperatura telgħet għal 40oC. Esperti huma tal-fehma, li t-tibdil fil-klima qiegħed jagħmel il-mewġiet tas-sħana iktar frekwenti u qalila.
Is-sħana qalila li laqtet lil Spanja kienet riżultat ta’ arja sħuna ġejja mit-Tramuntana tal-Afrika, fejn kawża tagħha t-temperatura saħansitra telgħet bi 15-il grad fuq il-medja ta’ dan iż-żmien.