Sunday, December 22, 2024

Partita ta’ Ħbiberija llum: Malta timmira għal riżultat pożittiv kontra l-Greċja

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti mmexxi mill-coach temporanju, Gilbert Agius, se jilgħab logħba ta’ ħbiberija kontra l-Greċja, illum fl-Istadium Nazzjonali.   

Din se tkun logħba ferm importanti għall-Maltin sabiex jaraw jekk il-konsistenza li bdew f’dawn l-aħħar partiti tkomplix anke matul dan ix-xahar. 

Il-Maltin ġejjin minn rebħa fuq l-Iżrael bl-iskor ta’ 2-1 liema partita kienet dik ta’ ħbiberija li ntlagħbet f’Settembru li għadda.  

Wara l-każ Devis Mangia, f’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm diversi spekulazzjonijiet min jista’ jkun is-suċċessur tiegħu iżda fl-aħħar ġimgħat, il-Malta Football Association iddeċidiet li taħtar lil Gilbert Agius biex imexxi lit-team għal din il-partita u kif ukoll kontra l-Irlanda li se tintlagħab nhar il-Ħadd li ġej. Agius se jkun assistit minn Davide Mazzotta u Alessandro Zinnari.  Ta’ min isemmi li Mazzotta mexxa lill-Maltin kontra l-Iżraeliti fl-assenza ta’ Mangia. 

Interessanti l-fatt ukoll li Agius huwa l-ħames eks player internazzjonali Malti li se jkun fdat ir-responsabbiltá tat-team Malti … wara Victor Scerri, Robert Gatt, John Buttigieg u Ray “Żażu” Farrugia. 

Agius sejjaħ skwadra ta’ 28 player għal dawn iż-żewġ logħbiet fejn l-attakkant ta’ Floriana Kyrian Nwoko u l-goalkeeper ta’ Sliema Wanderers Rashed Al Tumi reġgħu ġew inklużi wara żmien twil. Il-lista ta’ players tara wkoll ir-ritorn ta’ Luke Gambin ta’ Sutton United, Karl Micallef ta’ Gudja United, u d-duo ta’ Hibernians Kurt Shaw u Dunstan Vella. Juan Corbalan ta’ Hamrun Spartans u Steve Pisani ta’ Gzira United wkoll reġgħu ġew inklużi fil-lista wara li tilfu l-aħħar ħarġiet tat-tat-team nazzjonali.

Min-naħa tagħhom, il-Griegi jinsabu fit-52 post fir-rankings tal-FIFA. It-team huwa mmexxi minn Gus Poyet, Urugwajan ta’ 52 sena li ilu fil-kariga  minn Frar li għadda. Huma ggwida lit-team għall-ewwel erba’ logħbiet f’League C tal-UEFA Nations Cup hekk kif il-Griegi kisbu l-promozzjoni għal League B billi kisbu punti massimi. 

It-team għaddej minn transizzjoni fejn jidher li t-tmexxija ta’ Poyet qed tinħass u jinsabu ottimisti li jistgħu jmorru tajjeb fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew is-sena d-dieħla.  

Din se tkun il-11-il laqgħa bejn dawn iż-żewġ nazzjonijiet. L-istatistika tgħid li l-Griegi rebħu seba’ logħbiet filwaqt li l-Maltin rebħu waħda. Mill-banda l-oħra żewġ konfronti spiċċaw fi draw. Fil-fatt, dawk li għandhom iktar minn 50 sena jiftakru sew ir-rebħa li l-Maltin kellhom fl-1975 kontra l-istess Griegi bl-iskor ta’ 2-0 f’logħba ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew …. bl-iskorers ikunu Maxi Magro u Ritchie Aquilina. 

Il-logħba se tibda fis-6.00 pm

L-iskwadra Maltija hija komposta minn:

Goalkeepers: Henry Bonello (Hamrun S), Jake Galea (Ettelbruck – Lussemburgu), Rashed Al Tumi (Sliema W.).

Difensuri: Ferdinando Apap (Hibernians), Jean Borg (Valletta), Steve Borg (Hamrun S.), Karl Micallef (Gudja United), Kurt Shaw (Hibernians), Zach Muscat (Farense – POR), Enrico Pepe (Birkirkara).).

Midfielders: Juan Corbalan (Hamrun S.), Ryan Camenzuli (Hamrun S), Steven Pisani (Gzira United), Matthew Guillaumier (Hamrun S.), Bjorn Kristensen (Hibernians), Adam Magri Overend (Floriana), Brandon Diego Paiber (Valletta), Teddy Teuma (R.U. Saint Gilloise – Belġju), Dunstan Vella (Hibernians).

Attakkanti: Jurgen Degabriele (Hibernians), Shaun Dimech (Valletta), Luke Gambin (Sutton United FC – ENG), Jodi Felice Jones (Oxford United FC – Ingilterra), Joseph Essien Mbong (Kiryat Shmona – Iżrael), Paul Mbong (Birkirkara), Luke Montebello (Hamrun S.), Kyrian Nwoko (Floriana), Alexander Satariano (Balzan).

Ekonomija

Sport