Wednesday, April 24, 2024

Ron DeSantis: Ir-rebbieħ veru tal-Midterms ġewwa l-Istati Uniti?

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Bil-Partit Demokratiku ddiżappuntat li sejjer jitlef il-kontroll tal-Kamra tad-Deputati u biċ-ċans li jitlef ukoll il-maġġoranza ġewwa s-Senat, u fuq in-naħa l-oħra bir-Repubblikani ddiżappuntati għaliex ma rebħux bil-kbir kif kien previst mis-sondaġġi, l-akbar rebbieħ li ħareġ minn din l-elezzjoni kien Ron DeSantis, li reġa’ rebaħ għat-tieni darba l-elezzjoni għall-gvernatur tal-Istat ta’ Florida b’maġġoranza b’saħħitha ħafna.

Donald Trump żgur mhuwiex kuntent daqs DeSantis wara li bdew ħergin l-ewwel figuri wara l-votazzjoni li saret nhar it-Tlieta li għadda, għaliex ħafna mill-kandidati li għażel huwa sabiex jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet marru ħafna agħar milli kien mistenni minnhom. Dan jikkuntrasta bil-kbir mar-riżultati li kiseb l-istess DeSantis, li jingħad li kiseb vantaġġ ta’ 19-il punt perċentwali fuq il-kandidat Demokratiku, l-aqwa vantaġġ li nkiseb fil-midterms ġewwa l-Florida sa mill-1982, b’DeSantis jirbaħ 62 mill-67-il kontea li jiffurmaw dan l-istat u fejn saħansitra rnexxielu jirbaħ il-kontea ta’ Miami-Dade, fortizza tradizzjonali Demokratika wara kważi 20 sena f’idejn gvernaturi Demokratiċi.

Fuq kollox, Donald Trump jinsab ferm imħasseb għaliex f’DeSantis qieghed jara’ rivali b’saħħtu ferm għall-ispirazzjonijiet presidenzjali tiegħu għall-2024.

Min hu Ron DeSantis?

Ron DeSantis għad għandu 44 sena u twieled ġewwa Florida u ġej minn familja tal-ħaddiema. Huwa studja ġewwa l-Università ta’ Yale u wara kompla jistudja l-liġi ġewwa Harvard u fl-istess ħin kien serva fid-dipartiment legali tal-armata tal-Istati Uniti fejn dam iservi anke wara li lesta l-istudji tiegħu sal-2010.

Wara li għamel xi żmien iservi bħala Prosekutur Federali, DeSantis beda l-karriera politika tiegħu fl-elezzjoni tal-Midterm tal-2012 fejn kien ġie elett bħala membru fil-Kamra tar-Rappreżentati biex imbagħad fil-Midterms tal-2018 huwa sar għall-ewwel darba l-Gvernatur ta’ Florida. Matul l-ewwel snin tal-karriera politika tiegħu, DeSanctis kien sar magħruf bħala kritiku aħrax ta’ Barack Obama.

Il-Politika ta’ DeSanctis

Ir-riżultat li DeSanctis kiseb nhar it-Tlieta juri li l-politika tiegħu niżlet tajjeb ġewwa l-Florida. Dan għaliex kif diġà għedna huwa żied il-maġġoranza tiegħu minn nofs punt perċentwali (0.5%) li kien rebaħ biha erba’ snin ilu għal kważi 19%.

Wara din iż-żieda fil-popolarità ta’ DeSantis hemm numru ta’ policies li niżlu tajjeb ma’ ħafna votanti konservattivi kif ukoll ma’ votanti moderati. Mingħajr dubju ta’ xejn, l-aktar deċiżjoni li ħa DeSantis li għamlitu popolari fuq skala nazzjoni kienet dik li tirrigwarda l-mod ta’ kif bħala gvernatur affronta l-pandemija, deċiżjoni li waslet sabiex Florida kien l-inqas stat li ġie affettwat mill-Covid-19.

DeSantis iħaddan politika estrema kontra d-drittijiet tal-LGTIQ fejn saħansitra daħħal liġi li tagħmliha illegali li jkun hemm diskussjonijiet fuq orjentazzjonijet sesswali u suġġetti simili ġewwa l-iskejjel primarji. Barra minnhekk, huwa urta bil-kbir għaqdiet favur id-drittijiet tan-nisa meta daħħal liġi li tagħmel l-abort wara 15-il ġimgħa ta’ tqala bħala offiża kriminali. Però, dawn id-deċiżjonijiet għamluh popolari ħafna ma’ ħafna votanti konservattivi. 

Tant sar popolari DeSantis li saħansitra f’din l-elezzjoni li għadha kemm saret, huwa rnexxielu jieħu l-maġġoranza tal-voti tal-komunità b’oriġini mill-Amerika Latina, komunita’ li tradizjonalment tivvota lid-Demokratiċi, minkejja li kemm-il darba kien involut f’polemiċi ta’ trasferimenti ta’ immigranti minn dawn il-pajjiżi li suppost għamluh inqas popolari ma’ din is-sezzjoni ta’ votanti.

DeSantis u Trump

Matul il-kampanja elettorali tal-Midterms tal-2018 li għadna kemm semmejna, DeSantis kien imbuttat mhux ftit minn Donald Trump. Tant kien rikeb fuq il-karru ta’ Trump sabiex jgħinu jirbaħ il-kariga ta’ gvernatur, li l-filmati li kien juża bħala propoganda kien mimlija bl-islogans ta’ Donald Trump. Żgur li fil-memorja ta’ ħafna Amerikani baqa’ dak il-video li juri lil DeSantis jgħin lil uliedu jibnu ħajt, ħajt li kien jirrapreżenta dak li Donald Trump kien wiegħed li jibni fuq il-fruntiera ta’ bejn l-Istati Uniti u l-Messiku sabiex ma jidħlux immigranti illegali ġewwa pajjiżu. Saħansitra, fuq filmat ieħor, DeSantis kien deher jgħallem lil uliedu kif jiktbu l-islogan ewlieni ta’ Donald Trump jiġifieri dak ta’ ‘Make America Great’.

Biss issa, wara r-riżultat ta’ nhar it-Tlieta li għadda, Trump qiegħed jara lil DeSanctis bħala theddida serja għall-aspirazzjonijiet presidenzjali li huwa għandu għall-2024. Mat-tħabbira tar-riżulat, rżultat li wera li ħafna kandidati li kienu mbuttati minn Trump marru ħażin ħafna, huwa nfexx jgħajjar lil DeSantis bil-mod tipiku li jattakka politiċi mill-kamp oppost u mhux mill-partit tiegħu stess. Wara li ġustament fakkar li DeSantis rebaħ l-elezzjoni ta’ erba’ snin ilu bis-saħħa tiegħu, Trump irrefera għalih bħala politiku ‘xejn speċjali’ u li qiegħed jilgħab ħafna logħob politiku li qegħdin jagħmlu ħafna deni lill-Partit Republikan għaliex DeSantis mhuwiex qieghed jikkommetti ruħu jekk huwiex interessat sabiex ikun kandidat presidenzjali. 

Trump saħansitra kkritika l-mod ta’ kif DeSanctis mexxa l-glieda kontra l-imxija tal-virus li semmejna aktar ‘il fuq u kif għamel kemm-il darba lil politikanti oħra li jkun qabad magħhom għal xi raġuni jew oħra, issa iddeċieda li jibda jirreferi għal DeSantis permezz tal-laqam ta’ DeSanctimonious, li tfisser li persuna tkun moralment inferjuri għall-oħrajn.

Ftit qabel l-elezzjoni ta’ nhar it-Tlieta, skont diversi sondaġġi politiċi li saru, Donald Trump kien qiegħed igawdi vantaġġ ta’ aktar minn 15-il punt perċentwali fuq l-istess DeSantis fost id-delegati Repubblikani bħala l-favorit li jirbaħ in-nominazzjoni għal kandidatura presidenzjali għall-elezzjoni tal-2024. Biss, dan ir-rizżltat jaf ibiddel l-eżitu tas-sondaġġi li mistennija jsiru dalwaqt. Sadanittant, aktar tard din il-gimgha, Trump huwa mistenni jħabbar formalment li sejjer ikun qiegħed jitfa’ n-nominazzjoni tiegħu bħala kandidat presidenzjali għall-Partit Repubblikan.

Sport