Tuesday, May 14, 2024

Partita ta’ Ħbiberija: Malta fi draw ġust kontra l-Ġreċja

Aqra wkoll

Malta ………..2

Greċja ……….2

F’partita ta’ ħbiberija Malta temmet fi draw ġust ta’ 2-2 kontra l-Greċja hekk kif f’dan il-konfront ħarġu fatturi pożittivi fejn il-players tagħna qed juru maturitá fil-logħob tagħhom … iżda l-għejja mentali qed tkun ta’ detriment bil-konsegwenza li nċedu lejn l-aħħar ħinijiet.

It-team Malti kien immexxi għall-ewwel darba mill-coach temporanju Gilbert Agius sakemm jinstab is-suċċessur ta’ Devis Mangia.

Fl-ewwel taqsima, it-team Malti qatt ma wera xi sintomi ta’ inferjoritá hekk kif gawda mill-pussess tal-ballun għal ħafna ħinijiet.

Iżda l-players Maltin bdew iħallu l-ispazji li minn­hom l-avversarji tagħna setgħu japprofittaw. Infatti fl-unika azzjoni tal- Griegi huma skorjaw meta Dimitri Pelkas ngħata ċ-ċans li jimmanuvra biex bena l-kos­truz­zjoni offensiva li wasslet għall-goal.

Fit-tieni taqsima, megħjuna minn goal kmieni, il-Maltin kienu kompletament trasformati u kibru fl-istatura tant li l-avversarji dehru wisq frustrati jiġru wara r-riżultat wara li Teddy Teuma xeħet lil sħabu fil-vantaġġ mill-11-il metru … sakemm salvaw ir-riżultat.

L-ewwl azzjoni waslet fl-10 minuta, meta Joseph Mbong għadda through-pass lejn Jurgen Degabriele li minn żewġ metri bogħod naqas li jagħmel kuntatt mal-ballun.

Tliet minuti wara kien Teu­ma li resaq viċin permezz ta’ xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li għadda jħakkek ma’ sieq il-wieqfa.

Fl-uniku attakk serju tal- Griegi, li wasal fid-39 minuta, huma fetħu l-iskor meta mill-faxxa xellugija, Dimitri Pelkas ġibed għan-nofs fejn għadda lil ANASTASIOS BAKASETAS li daħal fil-kaxxa sserrep bejn Jean Borg u Joseph Mbong qabel ma fajjar kanunata biex għeleb lil Henry Bonello.

Ir-reazzjoni Maltija kie­net cross ta’ Ryan Camenzuli mill-faxxa laterali xellugija li spiċċa f’idejn il-goalkeeper Alexandros Paschalakis.

Madankollu, it-tieni taq­sima bdiet fuq nota pożittiva meta, fit-53 minuta, ksibna d-draw meta Matthew Guillaumier xeħet fi spazju vojt lejn JURGEN DE­GA­B­RIE­LE li għeleb in-nasba tal-offside u tefa’ fix- xibka.

Fis-67 minuta, ingħatajna penalty meta l-cross ta’ Paul Mbong ħabat ma’ id is-sostitut Andreas Bouchalakis … biex mill-11-il metru TEDDY TEUMA ma żbaljax minkejja li t-tentattiv tiegħu kien wieħed ċentrali.

Fit-78 minuta, il-Griegi ġew imċaħħda minn penalty meta l-ballun ħabat ma id Teuma. Il-protesti tagħhom kienu tant eċċessivi li tkeċċa Vasileios Barka minn fuq il-bank tas-sostituti filwaqt li l-coach Gus Poyet u diriġent Grieg ġew murija l-karta s-safra.

Erba’ minuti mit-tmiem, l-avversarji kisbu d-draw meta l-cross ta’ Giorgos Kiriakopoulos ġie kklerjat qasir biex il-ballun waqa’ għand Taxiarchis Fountas li venven xutt għal ġox-xibka. 

MALTA: 1-Henry Bonello, 2-Jean Borg (24-Karl Micallef 80), 3-Ryan Camenzuli, 4-Steve Borg (26-Ferdinando Apap 46), 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong (15-Juan Corbolan 52), 8-Paul Mbong (19-Bjorn Kristensen 80), 13-Enrico Pepe, 17-Teddy Teuma, 18-Jurgen Degabriele (14-Alexander Satariano 80), 21-Shaun Dimech (23-Jodi Jones 80), – Coach: Gilbert Agius

GREĊJA: 12-Alexandros Paschalakis, 3-Giorgos Tzavellas (19-Konstantinos Koulierakis 46), 10-Dimitris Pelkas (16-Taxiarchis Fountas 68), 11-Anastasios Bakasetas (5-Andreas Bouchalakis 46), 14-Lazaros Rota, 17-Pantelis Hatzidiakos, 20-Petros Mantalos, 21-Dimitris Giannoulis (25-Giorgos Kiriakopoulos 80), 22-Tasos Chatzigiovanis, 23-Manolis Siopis (8-Sotirios Alexandropoulos 80), 24-Fotis Ioannidis (9-Anastasios Douvikas 68) – Coach:  Gus Poyet

REFEREE: Alain Durieux (Lussemburgu)

ASS. REFEREES: David Mateus Santos, Tom Hansen (Lussemburgu)

RABA’ UFF: Matthew Degabriele (Malta)

SKORERS: A. Bakasetas 39 (G); J. Degabriele 53. T. Teuma 64 pen (M)

AMMONITI: R. Camenzuli, E. Pepe, P. Mbong (M); M. Siopis, Petros Mantalos, K. Koulierakis (G)

TKEĊĊA: Vasileios Barkas (78) minn fuq il-bank tas-sostituti

Sport