Wednesday, July 24, 2024

Partita ta’ Ħbiberija: Malta ssofri telfa kbira

Aqra wkoll

Rep. Ċeka ………7

Malta ……….……1

Minn Cristian Muscat

Malta sofriet telfa kbira ta’ 7-1 kontra r-Repubblika Ċeka f’partita ta’ ħbiberija hekk kif il-players tagħna jinsabu f’kamp ta’ taħriġ fl-Awstrija bħala preparazzjoni għal-logħ­biet tal-UEFA Na­tions League minn Settembru li ġej.

Fil-veritá, il-prestazzjoni tal-Maltin kienet diżappun­tanti u m’hemmx wieħed xi jgħid fuqha. Anzi, irridu ninsew din id-disfatta bħallikieku qatt ma lgħabna!

Il-goal li sofrejna wara ħames minuti permezz ta’ penalty fixkel il-pjani tal-coach hekk kif iddemoraliz­za mentalment lill-players tagħna hekk kif kienu konfużi fl-inserimenti tagħhom.

Min-naħa tal-avversarji, li fi ftit jiem oħra se jkunu fost il-finalisti fil-Euro 2024 fil-Ġermanja, kienu dominanti bl-interchanging fuq il-faxex laterali fejn bdew isibu lil xulxin b’intuwiz­zjoni naturali, bil-Maltin jippruvaw ilaħħqu mal-pass mgħaġġel tagħhom.

Wara l-mistrieħ, ħriġna aħjar fejn kien hemm mumenti meta qsamna l-logħob mal-avversarji bl-aktar mument saljenti jkun meta sibna x-xibka avversarja.

Iżda f’din it-taqsima sofrejna ħames goals u tkeċċija bla sens.

Kienu l-Maltin li wara biss żewġ minuti ħolqu l-ewwel azzjoni meta mit-throw-in ta’ Paul Mbong, Kemar Reid  minn tarf il-kaxxa ttanta xortih bil-ballun jintemm barra.

Iżda tliet  minuti wara, iċ-Ċeki ngħataw penalty meta l-cross ta’ David Jurasek ħabat ma’ id Steve Borg fil-kaxxa u r-referee, Stefan Ebner, ipponta lejn il-11-il metru liema deċiżjoni kienet kemm­xejn ħarxa … bix-xutt ta’ ANTONIN BARAK jintemm fir-rokna tax-xibka  għalkemm il-goalkeeper, Hen­ry Bonello, immarkah.

Ir-reazzjoni Maltija kie­net waħda mmedjata u mill-corner ta’ Teddy Teuma, Paul Mbong għadda lejn Matthew Guillaumier li minn 35 metru falla l-mira.

Fit-18-il minuta, stajna ksibna d-draw meta l-free-kick insidjuż ta’ Teddy Teu­ma qabeż lid-difiża kollha iżda Kemar Reid kien fraz­zjoni ta’ sekonda tard biex naqas li jitfa’ l-ballun fix-xib­ka.

Minuta wara, Bonello kien providenzjali għall- Maltin meta ttippja l-ballun f’corner mid-daqqa ta’ ras ta’ Tomas Chory biex evita goal ċert. 

Fit-22 minuta, f’ħarba miċ-Ċeki, Pavel Sulc xeħet cross fit-tul fejn Chory immira lejn il-lasti bir-ras hekk kif Moj­mir Chytil kien ġej bil-ġirja iżda naqas li jagħmel kuntatt mal-ballun taħt lasti vojta.

Fid-39 minuta, waslet l-aħjar azzjoni tal-Maltin me­ta Teuma seraq il-ballun lil Michal Sadilek f’nofs il-ground, avvanza u venven xutt li għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta.

Fl-44 minuta, iċ-Ċeki rduppjaw meta minn tarf il-kaxxa, Sulc fetaħ lejn Vladimir Coufal li xeħet lejn MOJMIR CHYTIL u żmarkat għal kollox kompla l-ballun għal ġox-xibka.

It-tieni taqsima fetħet bit-tielet goal miċ-Ċeki me­ta clearance erratika ta’ Guillaumier waslet għand DAVID JURASIK li minn pożizzjoni ferm angolata dawwar il-ballun għar-rokna tax-xibka.

Fit-58 minuta, l-avversarji għamluhom erbgħa meta mill-cross ta’ Coufal, MOJ­MIR CHYTIL daħal bejn    tliet di­fensuri u bir-ras għe­leb lil Bonello.

Peró, minuta wara l-Maltin naqqsu l-marġni tal-iskor meta PAUL MBONG rċieva through-pass minn Zack Muscat … qabeż lis-sostitut goalkeeper, Vitezslav Jaros, u bil-kalma kollha ddepożita l-ballun fix-xibka.

Fis-67 minuta, l-istess Paul Mbong kellu goal imħassar għal pożizzjoni ferm dubjuża ta’ offside.

Fil-71 minuta, iċ-Ċeki skorjaw il-ħames goal meta Bonello laqa’ parzjalment l-cross-shot ta’ Sulc bil-ballun jaħbat mal-wieqfa u jiġi f’saqajn Ondrej Lingr  li ma ħafirx.

U fl-84 minuta, Joseph Mbong kompla għarraq il- wirja tal-Maltin meta ntwera l-karta ħamra għal reazzjoni inutli billi ta daqqa ta’ ras f’sider Lukas Cerv.

L-umiljazzjoni kompliet b’żewġ goals oħra minn Matej Jurasek (86) b’xutt fil-baxx u Vaclav Cerny (89) b’xutt imdawwar minn barra l-kaxxa.

REP. ĊEKA: 16-Kovar Matej (23-Vitezslav Jaros 46),  2-David Zima, 4-Robin Hranac, 5-Vladimir Coufal (26-Matej Jurasek 63), 6-Martin Vitik, 7-Antonin Barak (20-Ondrej Lingr 56), 8-Michal Sadilek, 13-Mojmir Chytil (21-Lukas Cerv 79), 15-David Jurasek (24-Tomas Vlcek 63), 19-Tomas Chory (17-Vaclav Cerny 62), 25-Pavel Sulc – Coach: Ivan Hasek

MALTA: 1-Henry Bonello, 2-Jean Borg, 3-Ryan Camenzuli (15-Juan Corbolan 69), 4-Steve Borg (5-Kurt Shaw 77),  6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 8-Steve Pisani (24-Matias Garcia 69), 9-Kemar Reid (23-Alexander Satariano 46), 10-Teddy Teuma (20-Jake Grech 77), 10-Enrico Pepe (22-Zach Muscat 49), 11-Paul Mbong – Coach: Michele Marcolini

REFEREE: Stefan Ebner (Awstrija)

ASS. REFEREES: Maximilian Kolbitsch, Manuel Undesser (Awstrija)

RABA’ UFF: Christopher Jager (Awstrija)

SKORER: A. Barak 9 pen, M. Chytil 44, 58 D. Jurasik 47, O. Lingr 71, M. Jurasek 86, V.  Cerny 89 (RĊ); P. Mbong 59 (M)

AMMONITI: K. Reid, T. Teuma (M); M. Vitik, M. Sadilek, L. Cerv (RĊ)

TKEĊĊA: J. Mbong 84 (M)

Ekonomija

Sport