It-team nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena żamm lil dak ta’ taħt l-20 sena tas-Slovakkja fi draw ta’ 1-1, riżultat mill-isbaħ wara prestazzjoni dominanti fit-tieni taqsima.
Il-viżitaturi żammew il-vantaġġ matul l-ewwel perjodu u klinikament marru fil-vantaġġ, iżda Malta wieġbet tajjeb wara l-mistrieħ, u kisbet id-draw meritat.
Dan ir-riżultat jista’ jitqies bħala wieħed aktar prestiġjuż meta wieħed jinnota li s-Slovakkja huwa waħda mill-ħames timijiet Ewropej li se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tad-Dinja tal-FIFA ta’ taħt l-20 sena, li tibda fl-20 ta’ Mejju fl-Indoneżja.
Matul l-ewwel taqsima, is-Slovakki kienu l-aħjar tim iżda wettqu xi żbalji li kienu kważi fatali. Ix-xuttijiet ta’ Nicolas Sikula u Mate Szolgai fis-6 u fit-18-il minuta rispettivament ġew salvati tajjeb minn Matthias Debono. Fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, fl-20 minuta, id-difensur ċentrali James Vella kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi sbrixx mal-mimduda u fl-attakk li segwa, Debono reġa’ kien strumentali meta mblokka tentattiv ta’ Dominik Holly.
Madankollu, fit-28 minuta, Debono ġie megħlub minn xutt imdawwar ta’ Balint Csoka minn tarf il-kaxxa li tefa’ lis-Slovakki fil-vantaġġ. Tliet minuti wara, tentattiv ta’ Mattia Veselji ġie mdawwar f’corner minn Samuel Belanik filwaqt li fl-34 minuta, xutt mid-distanza ta’ Holly għadda ftit għoli.
Wara l-mistrieħ, Malta ħadet l-inizjattiva kontra avversarji aktar ikkwotati minnhom. Andrea Zammit kellu ċans mill-isbaħ li jġib id-draw fit-48 minuta iżda kellu x-xutt tiegħu imblukkat minn Belanik.
Fil-55 minuta, Jake Engerer ġie ffawljat fil-kaxxa bir-referee b’mod pjuttost korrett jipponta lejn il-penalty spot. Mattia Veselji ma żbaljax mill-11-il metru, u b;hekk ġab l-iskor indaqs għall-Maltin.
Kollox ma’ kollox, den kien riżultat prestiġjuż kontra wieħed mill-aqwa timijiet fl-Ewropa f’dan il-livell.
Malta U21: Matthias Debono, Nikolai Micallef (Kurt Briffa 63), Owen Spiteri, James Vella, Matthew Ellul (Zean Leonardi 87), Matthew Debattista (Gianluca Sciberras 63), Aleandro Garzia, Kurt Bondin, Jake Engerer (Nathan Agius 87) , Andrea Zammit (Matthew Mifsud 71), Mattia Veselji (Jed Valletta 87) Coach: Francesco Macri
Slovakkja U20: Samuel Belanik, Dominik Snajder, Nicolas Sikula, Sebastian Kosa (Samuel Kopasek 71), Luka Jakub, Damian Kachut, Dominik Holly, Mate Szolgai (Matus Kosecek 46, Timotej Jamber 62), Adam Gazi (Adrian Macejko 55), Balint Csoka (Marek Ujlaky 71), Branislav Spacil Coach: Albert Rusnak
Referee: Philip Farrugia (Malta)