Minbarra l-kwistjoni tad-distanza soċjali, il-Pulizija qed tinvestiga wkoll ix-xena ta’ nies jaqbżu fuq il-karozzi u min seta’ kien involut fl-organizzazzjoni tal-attività
Il-Pulizija ma kkonfermatx rapporti li partitarji ta’ Floriana FC bdew jirċievu ċitazzjonijiet wara li dehru f’ritratti u filmati jiċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat fuq il-Fosos.
Fuq il-media soċjali kien hemm partitarji li qalu li rċevew ċitazzjoni waqt li oħrajn bdew iħeġġu lil xulxin ineħħu r-ritratti li setgħu ħadu għalkemm uħud kienu tal-fehma li dan kien inutli.
Staqsejna lill-Pulizija jekk hux veru jew le li qed jintbagħtu ċitazzjonijiet lil min ħareġ jiċċelebra fuq il-Fosos b’kelliem għall-Korp qalilna li f’dan l-istadju l-unika kumment li seta’ jagħti kien li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Intant, sorsi li tkellmu magħna qalulna li minbarra l-kwistjoni tas-social distancing, l-investigazzjoni tal-pulizija qed tiffoka wkoll fuq min seta’ kien involut fl-organizzazzjoni tal-attività li kienet tinkludi sistema ta’ sound tad-divertiment, fuq ix-xena ta’ grupp ta’ partitarji jaqbżu fuq il-karozzi u jekk kienx hemm min ostakola t-traffiku.
Fil-bulettin mediku tagħha tal-bieraħ, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci, qalet li l-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa kien li dawk kollha li kienu f’kuntatt ma’ xulxin u jħossu xi sintomi għandhom iċemplu fuq il-helpline 111.
Hija spjegat li kien hemm min kien inkwetat u fil-fatt ċempel fuq dan il-helpline. Qalet li dawk li ma għandhom l-ebda sintomi ġie ssuġġerit lilhom biex mil-lum imorru jagħmlu t-test biex jaraw jekk setax kien hemm espożizzjoni jew le għall-virus.
Numru ta’ partitarji Furjaniżi kienu rappurtati li għamlu dan fi sfond ta’ kritika li saret fil-konfront tagħhom talli naqsu li jirrispettaw id-distanza soċjali.
Floriana rebħu s-26 kampjonat fl-istorja tagħhom wara nuqqas ta’ 27 sena wara deċiżjoni tal-MFA. Dan ġab rabja kbira fost il-partitarji tal-Valletta FC li riedu li l-kampjonat jitkompla. Floriana kellha tliet punti vantaġġ fuq il-Belt.