Friday, April 19, 2024

Partitarji ta’ Fenerbahce investigati mill-UEFA wara kant favur Vladimir Putin kontra Dinamo Kiev

Aqra wkoll

Il-partitarji ta’ Fenerbahce qed jiġu investigati mill-UEFA talli kantaw isem il-President Russu, Vladmir Putin (ritratt), waqt partita ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League kontra Dynamo Kiev tal-Ukrajna, f’Istanbul.

Il-UEFA qalet li nħatar spettur tal-etika u d-dixxiplina biex jinvestiga “l-allegata mġieba ħażina tal-partitarji ta’ Fenerbahce” matul il-partita mit-tieni leg ta’ kwalifikaz­zjoni li t-team Ukren rebaħ bl-iskor ta’ 2-1 fil-ħin barrani wara li fl-ewwel leg kienu lagħbu fil-belt Pollakka ta’ Lodz u spiċċat fi draw ta’ mingħajr goals.

Il-kant favur Putin seħħ wara li l-midfielder ta’ Dinamo, Vitaliy Buyalskyi, li ta lit-team tiegħu l-vantaġġ allegatament iċċe­lebra billi għamel ġest tal-ajkla b’idejh – is-simbolu tal-rivali eterni ta’ Fenerbahce, Besiktas.

Fi stqarrija li kkundannat r-rispons eċċessiv tal-partitarji tagħhom, Fenerbahce rre­ferew għall-“movimenti esaġerati ta’ wħud mill-players tat-team avversarju,” iżda ammettew li “ma jaċċettawx ir-reazzjoni li jqumu minn uħud mill-istands tagħna” u li “l-isport u l-politika għandhom dejjem jinżammu separati minn xulxin”.

Il-coach ta’ Kiev, Mircea Lucescu, li qabel kien imexxi lit-team nazzjonali tat-Turkija, qal li l-UEFA “ma tistax taċċetta l-imġieba tal-partitarji ta’ Fenerbahce” hekk kif l-armata Russa qed tkompli twettaq atroċitajiet fl-Ukrajna.

L-inċident qanqal reazzjoni qawwija fuq il-midja soċjali, b’uħud iħeġġu lill-club Tork biex jiġi sospiż mill-kompetizzjoni­jiet Ewropej. Jekk jinstab ħati ta’ kondotta ħażina l-club x’aktarx jiġi mmultat jew potenzjalment jiġi sfurzat jilgħab logħba f’daru bil-bibien magħluqa.

L-ambaxxatur tal-Ukrajna għat-Turkija, Vasyl Bodnar, qal f’post fuq Facebook: “Qatt m’aħna se nifhmu l-kliem ta’ appoġġ għall- qattiela u l-aggressuri Russi li deliberatament qed joqtlu lill-Ukreni u jeqirdu lil pajjiżna. Anki l-football, li tant huwa maħbub fit-Turkija, għandu l-limiti tiegħu.”

Jidher li ma kienx hemm kliem ta’ kundanna mill-Gvern Tork għal dan l-att irres­ponsabbli. Għalkemm uffiċjalment ikkundannat l-invażjoni tar-Russja, it-Turkija ppruvat tibqa’ newtrali minkejja s-sħubija tagħha fin-NATO. Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, iltaqa’ ma’ Putin il-ġimgħa li għaddiet f’Tehran flimkien mal-Iran filwaqt li t-Torok ukoll kellhom rwol attiv bħala medjaturi f’dan il-kunflitt.

Sport