Il-Kabinett tal-Ministri approva l-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali li ser jistabilixxi l-White Rocks bħala Park Nazzjonali. Dan se jwassal biex is-sit se jkun jista’ jiġi mħares u ssalvagwardjat bil-għan li l-aċċess pubbliku, l-użu rikreattiv u l-konservazzjoni jingħataw l-ogħla prijorità, bl-aġenzija Project Green tkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Park.
Dan ikompli mal-wegħda li l-parks u l-ġonna pubbliċi li saru fl-aħħar snin jingħataw il-protezzjoni permess ta’ emendi legali biex jiġu mħarsa minn kwalunkwe żvilupp fil-futur.
Dan il-pass jissinifika mhux biss il-bidu tat-twettiq ta’ wegħda oħra mill-manifest elettorali, imma jkompli mal-impenn li ntwera biex fl-ewwel ħames ġimgħat ta’ ħidma Parlamentari f’din il-leġiżlatura, il-Gvern imbotta ‘l quddiem seba’ riformi prinċipali, li skattaw jew ġew fis-seħħ fit-totalità tagħhom qabel il-waqfa tal-Parlament għall-ferjat tas-sajf, liema riformi il-Prim Ministru Robert Abela kien indika bħala prijorità għall-Gvern meta kien qed jindirizza l-Parlament waqt ir-risposta tiegħu għall-indirizz tal-President tar-Repubblika fil-ftuħ tal-15-il leġiżlatura.
Fl-aħħar jiem, il-Parlament approva emendi fil-Kostituzzjoni biex id-diżabilità titqies bħala karatteristika protetta bis-saħħa tal-ogħla liġi tal-pajjiż, filwaqt li l-Gvern wassal sat-tielet qari abbozz ta’ liġi bil-għan li titwaqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.
Skattat ukoll il-proċedura parlamentari biex f’pajjiżna ikollna proċess tal-ippjanar iżjed ġust, bl-ewwel qari tal-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu ma jkunx jista’ jibda żvilupp jew bini ġdid sakemm il-permess ikun għadu taħt proċedura t’appell, u jiġu introdotti timelines ċari biex jagħtu iżjed ċertezza lill-partijiet ikkonċernati. Dan il-proċess parlamentari jimxi pari passu mal-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika.
Tressaq ukoll l-ewwel qari tal-abbozz ta’ liġi bil-għan li jsaħħaħ il-qafas leġiżlattiv tas-settur tal-volontarjat, biex fost l-oħrajn titnaqqas il-burokrazija għall-għaqdiet volontarji u tiġi mgħejjuna l-ħidma tagħhom li tant hi importanti għal soċjetà b’saħħitha u inklussiva.
Fl-aħħar ġranet ġiet ippubblikata l-commencement notice biex daħlu fis-seħħ żewġ liġijiet li se jkomplu jsaħħu l-ħajja ta’ persuni b’diżabilità: L-Att dwar l-Awtonomija Personali u dak dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti f’Sitwazzjonijiet ta’ Vulnerabbiltà.
Permezz ta’ Avviż Legali ġiet imwessgħa l-lista ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi eliġibbli għall-Pre-implantation Genetic Testing for Monogenic Disorders, magħruf aħjar bħala l-PGT-M, pass ieħor li jikkonferma l-impenn sħiħ tal-Gvern biex juri iżjed empatija ma’ min ikun għaddej mill-proċess tal-IVF.
Fl-aħħarnett, fl-aħħar sigħat il-Parlament approva żewġ abbozzi oħra li jkomplu jsaħħu s-saltna tad-dritt permezz ta’ aktar indipendenza, trasparenza u aċċess għall-ġustizzja. Dawn jinkludu sistema ġdida u indipendenti għall-ħatriet fit-Tribunali Amministrattivi Speċjalizzati, li jimmarka ukoll it-twettiq ta’ wegħda elettorali oħra, u aktar skrutinju tad-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali meta jiddeċiedi, skont il-liġi kriminali, li ma ssirx prosekuzzjoni.
