Tuesday, March 24, 2026

Pass ieħor b’saħħtu biex Manoel Island u Forti Tigné jerġgħu lura għand il-poplu

Ir-riżoluzzjoni mressqa mill-Gvern approvata mill-Parlament

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kumitat dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika approva b’mod unanimu r-riżoluzzjoni mressqa mill-Gvern dwar Att ta’ Rexxissjoni Parzjali tal-Għotja ta’ Konċessjoni Enfitewtika tas-Siti ta’ Manoel Island u Forti Tigné.

Il-Kumitat, li kien presedut mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, iltaqa’ t-Tlieta waranofsinhar fejn kien hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar l-imsemmija riżoluzzjoni.

Sussegwentement, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ressaq mozzjoni b’rabta ma’ din ir-riżoluzzjoni fil-Kamra tar-Rappreżentanti illi ġiet approvata miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Fir-riżoluzzjoni jingħad li l-Gvern afferma l-impenn tiegħu biex is-siti ta’ Manoel Island u Forti Tigné jerġgħu jirritornaw f’idejn il-Gvern permezz ta’ rexxissjoni parzjali tal-kuntratt enfitewtiku datat 15 ta’ Ġunju tas-sena 2000.

Dan sabiex filwaqt li jissalvagwardja l-patrimonju kulturali, iżomm sħiħ il-wegħda tiegħu li jagħti lura lill-pubbliku art li qabel kienet iddisinjata għall-iżvilupp biex din tkun konvertita f’park nazzjonali.

Intqal ukoll li filwaqt li t-talba tal-kumpanija MIDI kienet ta’ €78 miljun, b’danakollu l-Gvern irnexxielu jinnegozja sabiex effettivament se jkun qiegħed joħroġ is-somma komplessiva ta’ madwar €42.7 miljun.

Dan kollu ġie maqbul fil-prinċipju bejn iż-żewġ partijiet fl-abbozzar tal-istess kuntratt tar-rexxissjoni parzjali.
Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li ġiet approvata r-riżoluzzjoni mill-Parlament, il-Ministru Bonnici qal li dan kien pass ieħor b’saħħtu biex Manoel Island u l-Forti Tigné jirritornaw lura għand il-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Ministru Bonnici spjega li l-pass li jmiss issa huwa li l-kumpanija MIDI tgħaddi dan il-kuntratt fil-proċeduri interni tagħha max-shareholders biex imbagħad ikun jista’ jsir il-pubblikazzjoni tal-kuntratt tfinali.

“B’hekk imxejna pass ieħor importanti ħafna b’mod spedit sabiex inkunu nistgħu nwettqu l-wegħda u l-kelma li tajna dik li Manoel Island kollha kemm hi tingħata lura lill-pubbliku biex isir spazji miftuħ u fl-istess waqt Forti Tigné tirritorna għand il-familji Maltin u Għawdxin,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport