Fil-ġimgħat li għaddew ġie rreġistrat progress fit-twettiq tal-proġett taċ-Ċentru tal-Arti u l-Kultura fil-Marsa, li għandu l-għan li jsaħħaħ l-infrastruttura kulturali ta’ Malta permezz ta’ spazju dedikat li jħallat il-wirt, il-ħiliet kreattivi, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni. Dan il-proġett se jinkludi fost oħrajn żona għall-Karnival li se tagħmel id-differenza f’dan is-settur.
Kien il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li ħabbar dan waqt id-diskussjoni parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta l-Miżuri tal-Estimi. Skont il-Ministru Bonnici, dan il-proġett se jkun finanzjat permezz ta’ fondi li l-Gvern irnexxielu jikseb mill-Unjoni Ewropea, fondi li jlaħħqu l-€14-il miljun. B’hekk se tingħata ċertezza li dan il-proġett jitwetttaq.
Huwa ħabbar li fil-ġimgħat li għaddew, ingħata t-tender u ġie ffirmat u għalhekk fiż-żmien li ġej se jinbdew ix-xogħlijiet biex dan iċ-Ċentru tal-Arti u l-Kultura jsir realtà. “Bħalma għamilna fil-MICAS u tant proġetti oħra, se nwettqu dan il-proġett,” qal il-Ministru Bonnici.
Huwa kompla billi ta dettalji dwar x’se jkun qed jinkludi dan il-proġett fosthom worshops tal-Karnival, music reherseal spaces hub u dance hub.
Iż-żona tal-Karnival se tinkludi riċeviment u ċentru t’orjentazzjoni, mużew iddedikat għall-wirt tal-Karnival, spazji ta’ workshop li jiffukaw fuq is-saħħa u s-sigurtà, bini ta’ karrijiet u d-disinn ta’ kostumi kif ukoll żona li tilqa’ fiha attivitajiet tal-Karnival b’installazzjonijiet u wirjiet flimkien ma’ spazju rikreattiv li se jilqa’ lill-viżitaturi u lill-parteċipanti. “Din qed naraw li tkun dar għall-artisti u l-parteċipanti tal-Karnival u toffri spazju biex jiżviluppaw u juru x-xogħol kreattiv tagħhom,” qal il-Ministru Bonnici.
“L-industrija tal-films saret storja ta’ suċċess”
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru tkellem ukoll is-suċċess li qed jinkiseb fl-industrija tal-films f’pajjiżna. “Minn industrija li għal aktar minn 90 sena sħaħ kienet waħda staġjonali, jiġi film u jitlaq, dawwarniha għal industrija li taħdem kuljum is-sena kollha toħloq kuljum l-opportunitajiet għall-Maltin,” qal il-Ministru Bonnici.
Huwa semma kif f’100 sena ta’ storja ta’ films nħadmu madwar 400 produzzjoni f’pajjiżna, b’200 minnhom jinħadmu f’dawn l-aħħar tmien snin.
“L-industrija tal-films saret storja ta’ suċċess. Għandna madwar 1,800 crew lokali jaħdmu fil-films b’aktar minn 500 kumpaniji jaħdmu fil-films. Mal-industrija tal-films qed igawdi kulħadd.”
Dwar il-bini tas-sound stage, il-Ministru Bonnici wera l-impenn tiegħu biex din is-sena jara li tinħareġ sejħa pubblika internazzjonali biex inbena l-infrastruttura li hemm bżonn fil-Malta Film Studios.

