Wednesday, May 28, 2025

“Pass ieħor f’mixja kostanti lejn ġustizzja aktar b’saħħitha, trasparenti u modernizzata” – il-Ministru Jonathan Attard 

Aqra wkoll

Meta lbieraħ fil-Parlament beda jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard iddeskriva dan l-abbozz bħala pass ieħor f’mixja kostanti lejn ġustizzja aktar b’saħħitha, trasparenti u modernizzata. Mixja li tqiegħed fiċ-ċentru tagħha l-bżonnijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

“Għax nemmnu li pajjiżna jistħoqqlu sistema ġudizzjarja effiċjenti, bilanċjata u ta’ standards għoljin, dan il-Gvern ħa f’idejh il-proċess li wassal għal dawn l-emendi kostituzzjonali. Emendi li mhux biss jirrispondu għal sejħiet minn ġewwa l-istituzzjoni tal-Qorti nfisha imma jirriflettu l-ispirtu ta’ riforma matura u anke inklussiva,” qal il-Ministru Attard. “Dan hu pass importanti għal pajjiżna mhux biss leġiżlattivament imma wkoll minn aspett istituzzjonali u morali. Dan hu Gvern li qatt ma ddejjaq iwettaq riformi kostituzzjonali kuraġġużi.”

Il-Ministru Attard stqarr li jifhem li l-Oppożizzjoni “mhux se toħroġ iċċapċap” iżda li ma jistax jifhem hu dik li sejħilha bħala attitudni estrema ta’ “aħna le kontra dak kollu propost” minflok jiddjalogaw biex jaslu għal qbil li jkun imnebbaħ mis-sewwa.

Huwa kompla jispjega li l-emendi jipprovdu għat-tneħħija tal-esklużjoni tal-Imħallfin u tal-Prim Imħallef milli jinħatru fil-kariga ta’ President ta’ Malta, għat-twaqqif ta’ tliet (3) sezzjonijiet fil-Qorti Kostituzzjonali, għat-twaqqif ta’ proċedura kostituzzjonali għall-involviment tal-ġudikatura fil-proċess tal-ħatra tal-Prim Imħallef u għall-possibbiltà li Imħallef tal-Qrati Superjuri u Maġistrat tal-Qrati Inferjuri jibqgħu jservu fil-kariga sal-età ta’ 70 sena, kif soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ta’ tali tiġdid fil-kariga. 

Il-Ministru Attard tenna li l-Abbozz ta’ Liġi jipprovdi wkoll għat-tibdil fil-proċedura għad-determinazzjoni ta’ lmenti kontra membri tal-professjonijiet legali sabiex jipprovdi għal termini aktar fattibbli fis-sitwazzjoni kurrenti, kif ukoll jiġi stabbilit u rregolat l-irwol u l-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura u jiġi mġedded il-qafas li jirregola l-proċeduri dixxiplinarji kontra l-Imħallfin u l-Maġistrati. 

Fl-istess waqt, dan l-Abbozz ta’ Liġi jipprovdi wkoll illi fin-nuqqas ta’ approvazzjoni b’maġġoranza ta’ żewġ terzi għall-ħatra ta’ Awditur Ġenerali ġdid, l-Awditur Ġenerali attwali għandu jibqa’ fil-kariga sakemm jinħatar Awditur Ġenerali ġdid, u dan f’konformità mal-proċedura applikabbli għal karigi Kostituzzjonali oħra li jeħtieġu vot favur ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Kamra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport