Tuesday, December 24, 2024

PASS IEĦOR IMPORTANTI FL-UŻU RESPONSABBLI TAL-KANNABIS

Aqra wkoll

L-Awtorita għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis waslet fil-proċess tibda toħroġ skont il-liġi liċenzji lill-assoċjazzjonijiet li jawtorizzahom jikkultivaw u jbigħu l-kannabis. Dan billi l-użu tal-kannabis, skont kif dettat mil-liġi, irid isir b’mod responsabbli. 

B’rabta mal-ħruġ tal-liċenzji hemm li l-assoċjazzjonijiet awtorizzati jridu wkoll jikkontribwixxu biex kemm jista’ jkun jikber l-għarfien dwar l-użu tal-kannabis ħalli ssir ħsara mill-inqas. Fl-istess ħin, is-suq tat-traffikar tal-kannabis, kif kien isir sa qabel il-liġi, jibqa’ illegali u punit quddiem il-Qrati. 

Wieħed għalhekk japprezza li bl-introduzzjoni ta’ din il-liġi, qed ikun assigurat li min jagħmel użu responsabbli jista’ jingħata suq aċċessibbli u sigur li jassigura s-saħħa pubblika tal-Maltin u l-Għawdxin. 

Jidher li l-liġi Maltija hija mudell għal pajjiżi oħra Ewropej fosthom il-Ġermanja li qed iħarsu li jimxu fuq l-istess passi li Malta ħadet. Biss, irridu ngħidu illi l-mudell Malti huwa wieħed uniku u ma jinstab fl-ebda pajjiż ieħor.

Bil-liġi preżenti, Malta saret l-ewwel pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea li illegalizzat l-użu responsabbli tal-kannabis. Mhux talli Malta ma ġietx kritikata fuq livell Ewropew, imma issa l-Ġermanja, l-akbar ekonomija fl-UE, qed tadotta dak li Malta adottat sentejn ilu.

Għalhekk nerġgħu ntennu li l-kritika li saret waqt li kienet qed tiġi introdotta u diskussa fil-Parlament l-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis kienet waħda inġusta u l-iskop ewlieni tal-kritika nemmnu li kien biex ibeżża’ u joħloq ansjetà fost in-nies partikolarment fost il-ġenituri li wliedhom missew mal-kannabis.

Il-ħruġ tal-liċenzja lill-assoċjazzjonijiet se jserraħ l-irjus ta’ ħafna nies illi l-użu responsabbli tal-kannabis se jnaqqas it-traffikar u l-abbuż kif ukoll jassigura li fis-suq ikun hemm prodott mhux imbagħbas. Ta’ min ifakkar li f’dan kollu, l-impenn tal-Gvern kien li fil-pajjiż ikun hawn sors legali fejn persuni adulti jistgħu jużaw il-kannabis mingħajr ma jkollhom għalfejn jirrikorru għal sorsi kriminali. Nemmnu li b’dan il-mod qed jiġi miġġieled it-traffikar b’mod aktar effettiv. 

Ekonomija

Sport