Thursday, December 26, 2024

PASS IEĦOR IMPORTANTI GĦAL TITJIB FIL-KWALITÀ TAL-ARJA

Aqra wkoll

Pajjiżna mexa pass ieħor importanti lejn titjib fil-kwalità tal-arja, partikolarment fl-inħawi tal-Port il-Kbir. Dan wara li ġie inawgurat il-proġett shore-to-ship li permezz tiegħu, il-cruise liners li se jidħlu fil-portijiet, se jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom u jieħdu l-elettriku minn fuq l-art.

B’hekk Malta se tkun qed tilħaq wieħed mill-għanijiet li tnaqqas kemm jista’ jkun it-tniġġis tal-arja. Dan fil-kuntest tal-ħarsien tal-ambjent u tal-baħar b’mod ġenerali. Nifhmu li dan se jibqa’ jkun fost l-ogħla prijoritajiet tal-Gvern, anke permezz ta’ inizjattivi lejn aktar spazji miftuħa fejn il-familji Maltin ikollhom opportunità li jqattgħu ħin ta’ mistrieħ f’ambjent nadif u san.

Huwa għalhekk li l-ħarsien tal-ambjent ma jirrigwardjax biss il-ħarsien tal-arja, iżda jmur lil hinn iktar minn hekk wkoll il-baħar u l-kosta Maltija, u minn żmien għal żmien jinħolqu kampanji biex nieħdu ħsieb dawn il-postijiet li f’dan iż-żmien li deħlin fih tas-sajf, jiżdied l-iffullar fihom kemm mill-Maltin u anke mit-turisti.

Ta’ min jgħid li madwar l-Ewropa, bejn 150,000 u 500,000 tunnellata minn 25 miljun tunellata ta’ skart tal-ippakkjar qed jispiċċa fil-baħar, b’theddida għall-ambjent tal-baħar u tal-kosta Ewropea, inkluża dik Maltija.

Nemmnu li fl-aħħar snin sar titjib f’dan il-qasam, li parti minnu huwa dovut għal inizjattivi ta’ edukazzjoni sa minn età żgħira, fejn dawk li jipparteċipaw saħansitra jkunu preżenti f’postijiet bħalma huma dawn l-istess bajjiet biex jesperjenzaw mill-qrib id-differenza ta’ bajja jew ramla safja mill-iskart u dik li jista’ jkollna mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna.

Minkejja li għad baqa’ ħafna aktar xi jsir, wieħed ma jistax ma japprezzax l-isforzi li qed isiru mhux biss mill-Gvern u anke minn individwi u entitajiet privati sabiex kemm jista’ jkun jitnaqqas it-tniġġis kemm fl-arja, kif ukoll dik tal-baħar.

Ekonomija

Sport