Il-Prim Ministru Robert Abela ħa nota tas-sentenza tal-Qorti Kriminali li ngħatat illejla u li permezz tagħha żewġ persuni oħra ġew misjuba ħatja għall-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, u kkundannati għal erbgħin sena priġunerija kull wieħed.
Huwa qal li dan hu pass importanti ieħor lejn ġustizzja f’dan il-każ, li hu tebgħa sewda fl-istorja ta’ pajjiżna. “Wara s-sentenza tal-lum, issa hemm tliet persuni misjuba ħatja u kkundannati b’piena ta’ priġunerija dwar dan il-qtil. Filwaqt li tliet persuni oħra għad irid jibda l-ġuri tagħhom.”
Il-prim ministru tenna l-impenn ċar tal-gvern li jkun hemm ġustizzja mal-familja Caruana Galizia u mal-poplu kollu.
Huwa radd ħajr lill-awtoritajiet kollha li ħadmu u qed ikomplu jaħdmu bil-għan li ssir ġustizzja sħiħa f’dan il-każ. “Awtoritajiet, li se jibqgħu jsibu lill-gvern ta’ sostenn fil-ħidma tagħhom.
Fl-istess ħin il-gvern se jkompli ukoll b’riformi importanti li jsaħħu s-saltna tad-dritt u l-qafas demokratiku ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Prim Ministru.