Tuesday, April 30, 2024

Spekulazzjonijiet dwar bidla fit-tmexxija tar-Renju Unit wara ftit ġimgħat

Aqra wkoll

Wara biss ftit ġimgħat li Liz Truss ġiet eletta kap tal-Partit Konservattiv Ingliż u allura prim ministru tal-pajjiż, diġà bdew spekulazzjonijiet fost ċrieki fil-partit għal bidla fit-tmexxija tal-partit u tal-pajjiż. Dan wara l-kriżi li feġġet mat-tħabbira mill-gvern ta’ pjan ekonomiku li kellu għan primarju li jnaqqas it-taxxa ta’ dawk li jaqilgħu ħafna.

Fil-fatt is-Segretarju tat-Teżor, Kwazi Kwarteng kellu jtemm ħesrem żjara li kien qed jagħmel fl-Istati Uniti biex jirritorna lura lejn Londra fejn kien mistenni li jħabbar U-turn dwar il-pjan ekonomiku li kien fassal. Fl-Istati Uniti, Kwarteng kellu jorganizza aktar laqgħat f’Washington fejn kien qed jattendi laqgħa tal-ministri tal-finanzi dinjin. Il-Kanċillier Kwarteng jinsab taħt pressjoni qawwija biex iwarrab il-pjanijiet ekonomiċi tiegħu wara li kkawżaw taqlib fis-swieq u heddew qasma fil-partit.

Bit-Tories mili bogħod wara l-Partit Laburista fil-popolarità u fl-opinjoni pubblika, id-diskors dwar sfida ta’ tmexxija qed jiżdied. Hemm ukoll spekulazzjoni li Liz Truss tista’ tkeċċi lil Kwarteng, l-alleat qrib tagħha, fi sforz biex terġa’ tirrestawra r-reputazzjoni ekonomika tal-gvern.

Huwa kien ikkonferma mal-ġurnalisti matul il-lejl li kien qed jippjana li jirritorna lejn Londra jum qabel dak ippjanat iżda sorsi qrib tiegħu ċaħdu li dan kien sinjal ta’ paniku.

Meta tkellem dwar ir-ritorn ħesrem ta’ Kwarteng lura lejn Londra, uffiċjal li ried jibqa’ anonimu qal lill-BBC li l-Kanċillier verament irid jinvolvi ruħu mhux biss mal-kollegi tal-gvern, iżda wkoll mal-Membri Parlamentari fuq il-pjanijiet ekonomiċi tiegħu.

Il-Ministru tal-Kummerċ Greg Hands qal li għalkemm ir-ritorn bikri ta’ Kwarteng ma kienx xi ħaġa tas-soltu, b’danakollu l-pożizzjoni tal-Kanċillier hija totalment sigura. Iżda wara jum ta’ xnigħat li l-Prim Ministru kienet f’diskussjonijiet dwar it-tneħħija tal-wegħdiet ewlenin tat-taxxa, qed jitqies b’mod wiesa’ bħala tentattiv biex tiġi evitata kriżi.

Il-Kanċillier Kwarteng diġà ġie sfurzat imexxi l-pubblikazzjoni tal-pjanijiet ekonomiċi sħaħ tiegħu ’l quddiem għall-31 ta’ Ottubru fi sforz biex jikkalma n-nervi fost l-investituri u l-membri tal-parlament iżda x-xettiċiżmu profond għadu mdendel fuq it-tnaqqis tat-taxxa mhux iffinanzjat.

Il-pjan ekonomiku tal-gvern ta’ Liz Truss li jinkludi wegħda biex titneħħa żieda ppjanata fit-taxxa korporattiva minn 19% għal 25% hija ġeneralment meqjusa li x’aktarx titneħħa għalkollox. Allegatament kienu għaddejjin taħditiet bejn it-Teżor u Downing Street ilbieraħ dwar it-tneħħija tal-proposti ta’ taxxa ta’ £43 biljun b’mod sħiħ jew parzjali.

Mhuwiex ċar jekk is-Segretarju tat-Teżor ingħaqadx ma’ dawk it-telefonati mill-bogħod mill-Istati Uniti, fejn kien qed jattendi laqgħa ospitata mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Minkejja ġimgħat li insista li ma jkunx hemm U-turns, huwa qal lil The Telegraph “ejja naraw” meta mistoqsi jekk hux ġejja bidla drammatika fil-politika ekonomika.

Wara biss 38 jum hemm tassew possibbiltà li l-amministrazzjoni ta’ Liz Truss taqa’ f’biċċiet u l-futur tal-Kanċillier huwa fid-dubju. Jidher li teżisti skuntentizza kbira fost il-Membri Parlamentari tat-Tories li tkellmu dwar bidla fit-tmexxija.

Liz Truss rat kollass drammatiku fil-popolarità fl-istħarriġ li poġġa lil-partit konservattivi tagħha wara l-Labour b’marġini storiċi. Stħarriġ tal-votanti f’disretti tradizzjonalment blu li kienu meqjusa bħala siġġijiet sikuri, aktarx jintilfu fuq ix-xej­riet attwali tal-votazzjoni, inklużi figuri ta’ profil għoli bħal Boris Johnson, Dominic Raab u Iain Duncan Smith.

Ir-ritorn bikri ta’ Kwarteng lura lejn Londra kkoinċida mat-twissija tal-Bank of England (BoE) li lest li jtemm l-azzjoni ta’ emerġenza tiegħu bil-għan li jistabbilizza s-suq tal-bonds. Il-Gvernatur tal-BoE, Andrew Bailey wissa aktar kmieni din il-ġimgħa biex il-gvern jibbilanċja l-kotba u jħejji għall-irtirar tal-għaj­nuna tal-Bank.

Sport