Monday, December 9, 2024

“Pass importanti fit-tisħiħ tar-rwol tal-MCESD”

- is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-azzjonijiet ġodda mħabbra mill-Gvern għal aktar tisħiħ tad-djalogu soċjali f’pajjiżna kienu deskritti mis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja bħala pass importanti ‘l quddiem li se jwasslu biex jissaħħaħ aktar ir-rwol tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) filwaqt li jingħata l-għodda meħtieġa biex ikompli jaqdi l-funzjonijiet tiegħu.

Fost il-miżuri li tħabbru fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet hemm it-twaqqif ta’ taqsima għar-riċerka fi ħdan l-MCESD, il-forum ġdid għaż-żgħażagħ ta’ bejn il-11 u l-15-il sena (Young Shapers Forum), għall-ewwel darba l-MCESD se jkollu Kap Eżekuttiv filwaqt li se jkun hemm entità ġdida li tikkordina l-konsultazzjoni pubblika.

Fil-kummenti tiegħu ma’ L-Orizzont, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li dawn il-miżuri se jwasslu biex l-istruttura tal-MCESD tkun waħda aktar b’saħħitha u b’hekk tkompli tieħu rwol pro-attiv fis-soċjetà f’dak li jirrigwardja l-konsultazzjoni u t-tfassil tal-politika.

“Huma importanti ħafna għaliex filwaqt li l-funzjoni tal-MCESD dejjem kienet rikonoxxuta u matul iż-żmien aktar issaħħet, però mbagħad il-Kunsill ma kellux per se l-istruttura neċessarja biex jaqdi l-funzjoni kollha tiegħu u dawk li qegħdin naraw li fil-futur ikunu meħtieġa,” tenna s-Sur Bugeja.

Huwa kompla billi rrikonoxxa wkoll li f’Malta għandna djalogu soċjali b’saħħtu fejn l-imsieħba soċjali kollha fi ħdan l-MCESD imorru oltre “mir-remit tagħhom.” “Jiena meta nitkellem fl-MCESD, ma nitkellimx biss fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol imma jkolli viżjoni aktar miftuħa li tinkorpora fiha wkoll l-interessi ta’ kulħadd,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU. “Għalhekk nemmnu li din l-istruttura għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ id-djalogu soċjali f’Malta.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul stqarr li dawn id-deċiżjonijiet se jwasslu biex jipprovdu opportunità lil kulħadd sabiex isemma leħnu. “Dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu bil-għan li d-djalogu soċjali verament jilħaq il-qofol tiegħu. Dan huwa l-pajjiż li rridu ngħixu fih. Pajjiż li jisma’, li jagħti l-opportunità lil kulħadd u pajjiż ta’ kwalità mibni fuq djalogu soċjali b’saħħtu,” tenna s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport