Sunday, December 22, 2024

Patri Aaron b’appell biex żewġt itfal fi stat ta’ abbandun jingħataw kenn qabel il-Milied 

Imorru l-iskola bla ikel, b'riħa ta' awrina u saħansitra jibżgħu imorru lura d-dar

Aqra wkoll

Ir-rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir, f’isem il-kollegi tal-iskola primarja, qed jappella lill-Prim Ministru biex jintervjeni qabel il-Milied sabiex żewġt itfal jingħataw kenn alternattiv minnufih. Dan minħabba li dawn it-tfal jinsabu fi stat ta’ abbandun fil-familja tagħhom u qed jiġu trattati ħażin ħafna mill-ġenituri tagħhom. 

Ir-rettur P. Aaron Zahra kkonferma li saru diversi rapporti kemm mis-social worker tas-segretarjat tal-iskejjel tal-Knisja, mis-service manager tal-istess segretarjat, u minn naħa tiegħu bħala rettur tal-kulleġġ lill-Appoġġ, CPS, u saħansitra nhar l-Erbgħa 7 ta’ Diċembru hu stess mar id-Depot (Sezzjoni Vjolenza Domestika) fejn għamel rapport uffiċċjali lill-Pulizija. 

Fir-rapport mgħoddi lill-awtoritajiet, P. Aaron spjega li dawn it-tfal ilhom għaddejjin minn trattament ħażin fid-dar mill-inqas tul dawn l-aħħar 4 xhur. Imorru l-iskola bla ikel, b’riħa ta’ awrina, ħwejjeġ mhux mibdula u saħansitra jibdew jibżgħu imorru lura d-dar. 

Jidher li dawn it-tfal qegħdin jiġu msakkra ġo kamra vojta, bla ġugarelli, sodod etc. Meta jmorru l-iskola jkollhom ġuħ kbir u “timpressjona ruħek kif iġibu ruħhom meta jingħataw l-ikel”. Is-sitwazzjoni hija trawma kbira wkoll għal dawk li qed jaħdmu mill-qrib ta’ dawn it-tfal u ma kinitx faċli għalihom li jħabbtu wiċċhom ma’ din ir-realtà. 

P. Aaron qal ukoll li kienet ta’ qsim il-qalb għalih li t-tifla ta’ seba’ snin qaltlu “father, I am afraid to go home because of my mummy…”. Għalkemm beda l-proċess professjonali ħafna mill-awtoritajiet ikkonċernati biex dawn it-tfal jittieħdu mid-dar, P. Aaron u l-kollegi tiegħu jinsabu inkwetati ħafna li dawn it-tfal se jqattgħu il-Milied maqfulin ġo kamra waħidhom u mingħajr il-bżonnijiet bażiċi. 

Jemmnu li għandha tittieħed azzjoni mmedjata biex dawn it-tfal jgħixu l-Milied b’mod dinjituż u xieraq. Qed jappella biex bl-intervent tal-awtoritajiet kompetenti, jingħata l-isbaħ rigal tal- Milied lil dawn it-tfal billi jkunu f’post sikur u addattat għalihom. Jittamaw wkoll li ssir ġustizzja ma’ dawn it-tfal. 

Ekonomija

Sport