Monday, December 23, 2024

“Patri Franġiskan ta’ 91 sena eżempju  tal-imħabba li trid tingħata lill-immigranti”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ma rridux nieqfu nisimgħu l-istejjer tal-immigranti. Ma rridux nieqfu naraw il-feriti, l-uċuħ tagħhom, il-ħolm u t-tamiet tagħhom. L-immigrant hu uniku, persuna mhux numru. Bħalna. Irrid insemmi lill-Patri Franġiskan ta’ 91 sena, li jibqa’ għaddej jaħdem. Dan hu eżempju tal-imħabba li għandha tingħata lill-immigranti”. Qal dan Papa Franġisku waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa fil-Vatikan. 

Dan is-sit kien fejn Patri Dijonisju Mintoff hekk kif fl-aħħar sigħat irċieva telefonata mill-Vatikan li infurmatu dwar dak li kien għadu kif stqarr il-Papa Franġisku.

F’din l-udjenza l-Papa Franġisku għamel referenza għaż-żjara tiegħu f’pajjiżna. “Is-Sibt u l-Ħadd li għadda mort Malta: vjaġġ appostoliku li kien ilu ppjanat għal xi żmien. Mhux ħafna jafu li Malta, minkejja li hija gżira f’nofs il-Mediterran, irċeviet l-Evanġelju malajr ħafna, għax l-Appostlu Pawlu innawfraga ħdejn ix-xtut tagħha u b’mod mirakoluż salva ruħu ma’ dawk kollha li kienu fuq il-vapur, aktar minn mitejn u sebgħin ruħ”, qal il-Papa.

Għall-Papa, Malta hija “post ewlieni”. Qal li hija hekk l-ewwel nett minħabba l-pożizzjoni tagħha fiċ-ċentru tal-baħar bejn l-Ewropa u l-Afrika. Iddeskriva lil Malta bħala l-post fejn jiltaqgħu l-popli u l-kulturi.

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku qal li f’dan il-kuntest, Malta tirrappreżenta d-dritt u s-saħħa taċ-“ċkejknin”, ta’ nazzjonijiet żgħar imma sinjura fl-istorja u ċ-ċiviltà.

Huwa qal ukoll li Malta hija post ewlieni f’dak li għandu x’jaqsam mal-fenomenu tal-migrazzjoni. “Hemmhekk iltqajt ma’ numru ta’ immigranti, li waslu fil-gżira wara vjaġġi terribbli. M’għandniex niddejqu nisimgħu x-xhieda tagħhom. Kull immigrant huwa uniku, huwa persuna bid-dinjità tiegħu, bl-għeruq tiegħu u bil-kultura tiegħu.”

Għall-Papa Franġisku, “Malta kollha kemm hi laboratorju ta’ paċi.” Il-Qdusija Tiegħu kkonkluda billi faħħar lil Patri Dijonisju Mintoff, li fi kliemu huwa “eżempju ta’ ħeġġa appostolika u mħabba lejn l-immigranti.”

Huwa kompla billi rringrazzja lill-President ta’ Malta George Vella, lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-awtoritajiet kollha ekkleżjastiċi kif ukoll lill-poplu Malti u Għawdxi tal-mod li bih laqgħuh tul iż-żjara tiegħu f’pajjiżna. “Grazzi tal-akkoljenza umana u kristjana. Grazzi ħafna,” temm jgħid Papa Franġisku. 

Ekonomija

Sport