Sunday, May 19, 2024

ĠUSTIZZJA MOGĦTIJA TARD HI ĠUSTIZZJA MIĊĦUDA

Aqra wkoll

Fis-soċjetà tagħna prinċipju bażiku u kruċjali  hu dak li  ‘ġustizzja mogħtija tard hija ġustizzja miċħuda’. Dan hu prinċipju importanti biex is-sistema ġudizzjarja tagħna taħdem b’mod tassew effettiv u f’waqtu. 

Minn żmien għal żmien ikollna sitwazzjoni fejn sentenza tingħata mill-qrati tagħna ħafna snin wara li jkun seħħ il-każ, snin li matulhom l-individwi jkunu esperjenzaw bidliet kbar fil-ħajja tagħhom. Mhemm ebda dubju li ġustizzja li tasal tard wisq jista’ jkollha l-effett li ma jintlaħqux l-għanijiet li l-ġustizzja stess qed tfittex li taqdi – għalhekk irid naġixxu b’għaqal, b’mod ġust iżda fil-ħin.  

Nemmnu li matul is-snin kien hemm titjib, imma xorta waħda għadek issib kultant okkażjonijiet fejn sentenzi jingħataw snin wara.  Nemmnu ukoll li l-qrati tagħna ma jistgħux ma jsirux ukoll aktar sensittivi għall-iżvilupp tal-persuna nfisha speċjalment fuq medda twila ta’ żmien. 

Biex dawn in-nuqqasijiet fis-sistemi tagħna negħlbuhom irridu nifhmu li r-riforma fil-ġustizzja li għaddejjin biha mhix xi ħaġa ta’ darba u daqshekk – hi riforma li trid tibqa’ għaddejja. Għandha tkun sforz kontinwu li bih inkomplu nġeddu l-kwalità tas-sistemi, tar-riżorsi umani, tat-teknoloġiji u aspetti oħra tas-settur ġudizzjarju. 

Riforma kontinwa tfisser ukoll li nfittxu soluzzjonijiet effettivi u b’ħeffa għal problemi ta’ kuljum li jkunu qed ixekklu t-tħaddim effiċjenti, proporzjonat u ġust tal-ġustizzja infisha.

Nifhmu li t-tibdil ma jistax iseħħ mil-lum għal għada. Nifhmu ukoll li matul is-snin ittieħdu inizjattivi biex jiġi mnaqqas id-dewmien. Kien hemm fejn ħadmu u kien hemm oħrajn li ma ħadmux.

Li hu żgur li llum fil-qorti hemm ħafna aktar ġudikanti minn snin ilu. Ir-riżorsi huma ukoll ħafna akbar. Ma dan irridu nżidu ukoll li anke l-Qrati llum huma ħafna aktar konxji li d-dewmien ifisser ġustizzja miċħuda.

Nemmnu li rridu naħdmu aktar lejn soċjetà fejn ir-reponsabbiltà u s-sensittività lejn xulxin u dan bħala mezz ewlieni ta’ kif inkabbru u nsaħħu lilna nfusna illum.

Fuq kollox inqas dewmien ifisser inqas tensjoni u inqas ansjetà għal dawk involuti.

Sport