F’temp ta’ 10 snin inti ppubblikajt erbatax-il ktieb: eżattament disa’ rumanzi għall-kbar u ħames kotba għat-tfal. Għalhekk nistgħu ngħidu li inti wieħed mill-kittieba prolifiċi kontemporanji. Xi tfisser l-esperjenza tal-kitba għalik? Hija biss espressjoni ta’ kreattività jew iktar minn hekk, ħtieġa, forza li timbuttak tikteb forsi anki meta ma jkollokx aptit?

Għalija, l-esperjenza tal-kitba tfisser mod effettiv ta’ kif nista’ nħajjar iżjed nies jaqraw bil-Malti. Jiena bdejt nikteb wara li lestejt il-kors tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti għax ħassejt li kelli nibda nagħti s-sehem tiegħi jiena wkoll fil-letteratura Maltija, kemm għall-kbar kif ukoll għat-tfal. U huwa proprju għalhekk li nikteb dwar suġġetti varji, fosthom dwar l-imħabba, dwar il-ħares, u anki dwar l-istorja ta’ Malta biex nolqot dejjem iżjed qarrejja ġodda. Nagħżel ukoll suġġetti li dejjem iqanqlu interess u kurżità f’qarrejja ta’ kull età.
Minbarra mod biex nirrilassa, għalija l-kitba hija bżonn biex inħossni aktar qrib tal-qarrejja, speċjalment meta wara kull rumanz nibda nirċievi bosta kummenti dwar dak li nkun ktibt.
Minn fejn ġejja l-ispirazzjoni tiegħek? Nassumi li xi mkien inti qrajt u taqra ħafna wkoll? Jew mhux biss?

L-ispirazzjoni nsibha fis-sitwazzjonijiet li niltaqa’ magħhom kuljum. Kif nibni wkoll il-karattri fuq dawk li spiss niltaqa’ magħhom u malajr isibu ruħhom protagonisti f’xi wieħed mir-rumanzi tiegħi. Imma l-ideat jiġuni meta nkun waħdi, fil-kwiet. L-aktar meta nkun qiegħed nimxi xi mkien fil-kampanja jew f’xi ġnien pubbliku bogħod mill-ġenn u l-istorbju li qed jinħoloq dejjem iżjed min-nies, mill-karozzi u mis-siti tal-kostruzzjoni.
Naturalment, bosta mill-ideat inġibhom ukoll mill-qari u l-films. Imma sfortunatament, il-ħin għall-qari mill-kotba qiegħed dejjem jitnaqqar. Daqqa minħabba ħaġa u daqqa minħabba oħra. Madanakollu nipprova nagħmel mezz li qabel norqod, kuljum niftaħ ktieb u naqra ftit paġni. Imbagħad jekk għajnejja jkunu għadhom jifilħu, nidħol ftit ukoll fuq il-midja soċjali.
Hemm xi kittieba Maltin jew barranin li ġibdu l-attenzjoni tiegħek u forsi anki ispirawk biex tikteb?
X’aktarx li l-aktar li ħallew impatt fuqi kienu l-kittieba tar-rumanzi storiċi tradizzjonali Maltin, bħal ngħidu aħna Ġużè Galea, Agostino Levanzin, Ġużè Muscat Azzopardi u Ġużè Aquilina. Dawn kienu lkoll ta’ ispirazzjoni qawwija biex aktar ’il quddiem kont kapaċi nikteb rumanzi storiċi jiena wkoll.

Imma l-awturi li ħajruni nibda naqra, bħal ngħidu aħna Trevor Żahra, Charles Casha, George Zammit, Carmel G. Cauchi u Tony C. Cutajar, kienu għalija kollha ta’ ispirazzjoni qawwija meta ftit żmien ilu bdejt nikteb ukoll bosta avventuri għat-tfal. Għalhekk bħal dawn l-awturi tassew bravi u importanti li ħadmu qatigħ biex żammew il-lingwa tagħna ħajja, jiena wkoll nixtieq li nkun strumentali biex inħajjar iżjed tfal jaqraw bil-Malti. B’hekk, il-lingwa tagħna, li għaddejja minn tant turbolenzi qawwijin, mhux talli ma tintilifx imma tkompli tiżviluppa u tissaħħaħ permezz tal-ġenerazzjonijiet li telgħin.
Fost it-temi ewlenin li tittratta fix-xogħlijiet tiegħek hemm l-imħabba, l-istorja, il-misterjuż, u d-destin. Kemm huma importanti għalik, u kemm jiġbdu l-interess tal-qarrejja tiegħek?
Jiena naħseb li ċ-ċavetta biex awtur iħajjar iżjed nies jaqraw il-kotba tiegħu hija l-kurżità. U proprju għalhekk jiena dejjem għażilt temi li jiġbdu l-attenzjoni tal-qarrej, kemm jekk ninvolvi l-istorja ta’ Malta, l-aspetti differenti tal-imħabba, imma wisq iżjed, fejn jidħol il-misteru u dak kollu li hemm moħbi warajh.
U kien proprju għalhekk li għall-ewwel rumanz tiegħi għażilt it-tema tal-ħares għax, għalkemm hawn bosta li jgħidulek li ma jemmnux li jeżisti, hawn ħafna u ħafna iżjed li jqanqlilhom kurżità kbira.
Barra minn hekk anki l-istorja ta’ Malta tqanqal ħafna interess fil-qarrejja, speċjalment meta tkun imħawra bi ġrajja ta’ mħabba. Għalhekk permezz ta’ rumanz storiku, il-qarrejja tar-rumanzi jsiru jafu aktar dwar ġrajjet Malta b’mod mexxej imma li jimliehom b’għarfien siewi.
Hemm xi favoriti fost ir-rumanzi u kotba li ppubblikajt? Liema fost dawn kienu għalik tal-akbar sfida, u għaliex?
Ma nistax ngħid li fost ir-rumanzi tiegħi hemm xi favorit iżjed minn ieħor. U dan proprju għaliex kollha kemm huma kienu jinvolvu ħafna xogħol u kellhom l-isfidi differenti tagħhom. Kull rumanz storiku li ħriġt ħadli ħafna żmien u enerġija, kemm fl-istadju tar-riċerka u anki fil-fażi tal-kitba.

Biss x’aktarx li l-akbar sfida tkun meta niġi biex nikteb rumanz, u minħabba li jiena nħobb nikteb fl-ewwel persuna, ikolli nidħol fil-karattru ta’ mara. Mhix faċli għal raġel li jilbes iż-żarbun ta’ mara biex jagħraf dak li tassew taħseb, dak li tħoss, kif taġixxi, kif tirraġuna, u kif tirreaġixxi għall-emozzjonijiet tagħha.
Ir-rakkont li fl-aħħar mill-aħħar jieħu l-forma ta’ ktieb li jiġi f’idejn il-qarrej mhux biss frott il-ħila tal-kittieb, imma ta’ bosta persuni oħrajn. Xi tgħid dwar dan?
Kull ktieb li joħroġ huwa frott tal-isforz kollettiv ta’ bosta nies li għandhom ħiliet differenti. L-ewwel li jtih il-ħajja huwa bla dubju ta’ xejn il-kittieb li wara li jiżviluppa l-idea tal-istorja li jkollu f’rasu, joħloq ir-rakkont tar-rumanz innifsu. Imbagħad kif jitilqu minn idejh l-awtur jibda x-xogħol tal-pubblikatur permezz tal-qarrej tal-provi, id-disinn, l-issettjar, u fejn ikun hemm bżonn tal-illustratur ukoll sakemm jiġi stampat. Għalhekk tajjeb li wieħed jirrikonoxxi li meta ktieb jingħoġob jew saħansitra anki jirbaħ premju, dan ma jkunx biss mertu tal-awtur waħdu, imma ta’ tim sħiħ ta’ nies illi jkunu taw sehemhom biex il-pakkett kollu jissarraf f’suċċess.
Mill-esperjenza tiegħek bħala kittieb, xi jridu l-Maltin quddiemhom meta jiġu biex jaqraw?
Mill-esperjenza tiegħi, il-Maltin jogħxew wara storja ta’ mħabba li mingħajr ma tkun espliċita żżejjed jew vulgari, tkun kapaċi tqanqal fihom bosta emozzjonijiet differenti. L-aktar jekk dan ir-rakkont ikun imħawwar b’ingredjenti oħrajn, bħal ngħidu aħna l-istorja ta’ Malta, doża ħafifa ta’ erotiċiżmu u saħansitra anki, bis-sigriet tal-ħares.
Ħarsa lejn ir-rumanzi tiegħek nifhmu li inti ktibt ħafna dwar il-passat. Ġieli għadda minn moħħok li tikteb rumanz li jħares lejn il-ġejjieni, tipo rumanz fantaxjentifiku jew distopiku? X’taħseb dwar ġeneri letterarji bħal dawn?
Rumanzi futuristiċi jogħġbuni biex naqrahom. Biss, jien għadni qatt ma ħsibt biex nikteb wieħed simili. L-immaġinazzjoni ta’ awtur li joħloq dan il-ġeneru ta’ rakkont trid tkun partikolari, u jien għadni iktar imwaħħal mar-realtajiet li seħħew tassew fil-passat milli mal-immaġinarju astratt tal-futur. Imma ma neskludix il-possibilità li kif għamilt fil-letteratura għat-tfal, ’il quddiem għad nesplora dan il-ġeneru wkoll.
Kemm hu importanti li l-kittieba jżommu kuntatt mal-qarrejja tagħhom? Kemm hu importanti li l-kittieba jżuru regolarment l-iskejjel u jitkellmu mal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar?
Huwa importanti ħafna li l-kittieba jibqgħu b’saqajhom mal-art u jżommu kuntatt mal-qarrejja tagħhom. B’hekk permezz tal-feedback li jieħdu mingħandhom ikunu jafu kif qegħdin jolqtu lill-pubbliku bil-kitba. X’jingħoġob u x’ma jingħoġobx. Xi jridu l-qarrejja u x’jaħsbu li jkun żejjed jew bla sugu fil-kitba li jaqraw. Kull kittieb għandu jżomm f’moħħu li mingħajr qarrejja li japprezzaw dak li jikteb, jista’ ma jikteb xejn!
Barra minn hekk, meta kittieb ikun qrib u jitkellem mal-pubbliku, ikun jista’ jagħmel kuraġġ lil bosta qarrejja li jkunu jixtiequ jibdew jiktbu huma wkoll. B’hekk ma jaqtgħux qalbhom milli jesponu t-talent letterarju tagħhom. Wara kollox kull awtur kellu l-bidu tiegħu, kif għandu jkollu wkoll qarrej li jaspira li xi darba jippubblika xi tip ta’ proża huwa wkoll. U dan japplika speċjalment għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar għax kif ngħid dejjem jien, aħna l-kittieba stabbiliti m’aħniex hawnhekk għal dejjem. Għalhekk huwa importanti li ħaddieħor ikompli fuq il-passi tagħna.
Spiss meta niltaqgħu narak flimkien ma’ kittieba kontemporanji oħrajn, anki huma maħbubin minn bosta qarrejja Maltin, u dan f’kuntesti bħall-Festival tal-Ktieb u okkażjonijiet simili. Kemm hu importanti li l-kittieba jżommu kuntatt ma’ xulxin u jitkellmu bejniethom?
Huwa importanti ħafna li l-kittieba bejniethom ikunu ta’ għajnuna, ta’ sostenn, u speċjalment ta’ kuraġġ lejn xulxin. U huwa proprju għalhekk li meta ġieli naqra ktieb, anki ta’ kittieb jew kittieba li qatt ma nkun iltqajt magħhom, nagħmel riċensjoni tar-rakkont u nippreżentaha fuq Facebook. Dan jagħmel ħafna kuraġġ lill-awturi l-oħrajn għax kulħadd jieħu gost meta xi ħadd jesponilu t-talent u l-kapaċitajiet tiegħu mal-pubbliku, kif dejjem apprezzajt jien meta xi ħadd kiteb dwar il-kotba tiegħi. B’hekk jiena nagħmel l-istess għax il-ferħ li nħoss jiena, nixtieq li jħossu ħaddieħor ukoll.
Barra minn hekk, jiena dejjem inżomm f’moħħi li l-għan prinċipali tal-kitbiet tiegħi huwa li nħajjar iżjed nies jaqraw bil-Malti. B’hekk nemmen li jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed u jkun ta’ għajnuna u appoġġ għal sħabu, inkunu qegħdin insaħħu lill-ilsien Malti. Jien inqis lill-kittieba l-oħrajn bħala kollegi fil-letteratura, iktar milli kompetituri tiegħi f’xi tiġrija sfrenata.
Il-letteratura mhix magħmula biss mill-kittieba li ċerti kritiċi jpoġġu fuq quddiem imma anki minn bosta xogħlijiet li spiss jitqiegħdu u jibqgħu fid-dell jew issibhom moħbijin fl-ixkaffi fuq wara. Xi tgħid dwar dan? Xi tgħid dwar il-fatt li istituzzjonijiet bħall-Università u fakultajiet konċernati qed iwarrbu regolarment numru ta’ kittieba kontemporanji fejn tidħol riċerka, kitba ta’ teżijiet, imma anki korsijiet letterarji?
Jiena nemmen illi fil-letteratura, kulħadd huwa validu u kulħadd għandu x’jikkontribwixxi. Kulħadd bil-mod differenti tiegħu. Għalhekk kulħadd għandu jingħata l-opportunità, l-attenzjoni u l-importanza li tistħoqqlu, anki awturi li mhumiex popolari daqs oħrajn għax it-talent ivarja minn persuna għal oħra. U permezz tat-talent tiegħu kull awtur għandu x’joffri, anki dawk li jinqabżu, li jitwarrbu, u dawk li qatt ma jingħataw l-opportunità.
X’inhu x-xogħol ewlieni tiegħek? Kif tiddeskrivi inġenerali l-esperjenza tiegħek bħala kittieb? Xi tkun qed tagħmel meta ma tkunx ix-xogħol jew tikteb?
Jiena naħdem fl-amministrazzjoni pubblika u x-xogħol tiegħi m’għandu x’jaqsam xejn mal-letteratura. Madanakollu jkunu bosta li xi drabi jiġu jistaqsuni biex naralhom xi korrispondenza jew xi rapport minħabba li jafu kemm għandi l-kitba tal-Malti għal qalbi. Persuni li huma wkoll jixtiequ li jużaw il-Malti biex jiktbu dak li jkollhom bżonn fix-xogħol tagħhom.
L-esperjenza tiegħi bħala kittieb ma kinetx waħda faċli, speċjalment sakemm stabbilixxejt ruħi fil-qasam letterarju permezz tar-rumanzi. Is-sagrifiċċji huma kbar u l-isfidi huma ikbar. Però l-ikbar intopp li jsib kittieb ġdid huwa sakemm isib lil min itih l-opportunità biex jippubblika x-xogħol tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li qegħdin nitilfu ħafna talent għaliex bosta kittieba ġodda jaqtgħu qalbhom li xogħolhom għad jiġi stampat.
Meta ma nkunx ix-xogħol jew ma nkunx qiegħed nikteb, x’aktarx li nkun qiegħed nimxi għall-kwiet, ngħum, nisma’ l-mużika, insajjar, jew nara xi film eċitanti tal-biża’. Naturalment il-qari ma jonqos qatt, dment li nsib il-ħin.
Xi jmiss issa?
Issa jmiss rumanz storiku ieħor li naturalment jinvolvi ħafna riċerka, ħsieb, enerġija, konċentrazzjoni, xogħol bla waqfien … u ħin – l-iktar element li nissielet u nitħabat biex ikolli biżżejjed minnu sabiex fir-rumanzi tiegħi inkun nista’ noħroġ dak kollu li jkolli f’moħħi, f’qalbi u f’ruħi ħalli ngħaddih sew lill-qarrejja tiegħi.

