Il-leġġenda tal-football Brażiljan Pele ġie rikoverat għall-kura ta’ tumur fl-imsaren identifikat qabel, qalu t-tobba tiegħu l-Erbgħa, l-aħħar problema tas-saħħa għall-ikona ta’ 81 sena.
It-tliet darbiet champion tad-dinja ddaħħal fl-Isptar Albert Einstein f’Sao Paulo “għal trattament ta’ segwitu tat-tumur fl-imsaren identifikat f’Settembru ta’ din is-sena,” qal it-team mediku tiegħu fi stqarrija.
“Il-pazjent huwa stabbli, u mistenni li jinħeles fil-jiem li ġejjin.”
Pele saritlu operazzjoni għat-tumur fl-4 ta’ Settembru, qatta’ xahar l-isptar qabel ma nħeles biex ikompli bil-kimoterapija mid-dar.
Meqjus minn ħafna bħala l-aqwa footballer ta’ kull żmien, Edson Arantes do Nascimento – l-isem veru ta’ Pele – f’dawn l-aħħar snin kellu kundizzjoni ta’ saħħa ħażina, u qatta’ diversi xhur fl-isptar.
L-uniku player fl-istorja li rebaħ tliet edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja (1958, 1962 u 1970), daħal fix-xena globali ta’ 17-il sena biss b’goals mill-isbaħ, fosthom tnejn fil-finali kontra l-ospiti l-Iżvezja, hekk kif il-Brażil rebħu t-Tazza tad-Dinja għall-ewwel darba fl-1958.
“O Rei” (Ir-Re) kompla jkollu waħda mill-aktar karrieri ta’ suċċess fl-isport, fejn skorja aktar minn 1,000 goal qabel irtira fl-1977.