Thursday, April 2, 2026

Pensjonijiet: ‘minefield’ għall-PN

Aqra wkoll

Fl-opinjoni tiegħi l-Partit Nazzjonalista dejjem ikkunsidra lill-pensjonant bħal vampir. Jixrob demm l-oħrajn. L-istorja titkellem waħedha. Sa mill-introduzzjoni tal-ewwel pensjoni ‘tax-xjuħ’. Kienu kontriha u vvutaw kontriha għax skont huma dawk il-flus ix-xjuħ kienu jixorbuhom inbid. Tista’ ma tiftakarx li Gvern Nazzjonalista meta kien jiġi biex jikkumpensa għall-ogħli tal-ħajja lill-pensjonanti ma kienx jagħtihom l-kumpens kollu, imma żewġ terzi biss? 

Il-pensjonijiet huwa qasam li għall-Partit Nazzjonalista huwa ‘minefield’. Jirfsu fejn jirfsu fih jispoldi taħt saqajhom. Għax huwa qasam li ma jġorr ebda timbru ta’ Gvern Nazzjonalista għajr dak negattiv. 

U bil-wiċċ tost kollu jikkritikaw Gvernijiet Laburisti għax imisshom għamlu jew jagħmlu aktar! Innota l-istorja tagħhom u ssib li dejjem SE JAGĦMLU. Qatt ma jgħidu X’GĦAMLU. Wegħdi biss għax il-passat tagħhom ma juri xejn konkret. Il-wiċċ tost tal-Partit Nazzjonalista dwar dan il-qasam reġa’ spikka f’dawn il-ġimgħat li għaddew wara li l-Prim Ministru ħabbar miżura oħra favur il-pensjonanti fejn jirrigwarda taxxi.

Ngħinek ftit tifhem l-ingann Nazzjonalista  b’fatti konkreti.

Sas-sena 2015, allura sa sentejn wara li l-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013 u wara tmexxija ta’ 15-il sena minn Gvernijiet Nazzjonalisti, il-pensjonanti kienu jħallsu t-taxxa fuq kull dħul tagħhom, inkluż il-pensjoni kollha.

Bejn l-2016 u l-2021 il-pensjonanti kellhom id-dħul mill-pensjioni sal-ekwivalenti tal-pensjoni massima tas-sigurtà soċjali eżentat minn ħlas ta’ taxxa. Izda f’dan l-istess perjodu fejn kien ikun hemm dħul ieħor dan kien jingħadd mal-pensjoni u kien ikun soġġett għar-rati tat-taxxa normali. Mill-ammont tat-taxxa dovuta fuq id-dħul kollu tal-pensjonant (pensjoni u magħha dħul ieħor) kien jitnaqqas l-ammont ta’ taxxa ffrankat fuq il-pensjoni biss.

Fis-sena 2022 inbeda proċess sabiex mid-dħul taxxabbli tal-pensjonant (pensjoni u magħha dħul ieħor) ikun eżentat 20% tal-pensjoni massima kull sena. It-taxxa kienet tinħadem fuq l-ammont nett li jifdal u mbagħad jitnaqqas l-ammont ta’ taxxa ffrankat fuq il-pensjoni biss. Sas-sena li għaddiet dak il-persentaġġ ittella’ għal 80%.

Dan t’hawn fuq sas-sena li għaddiet. Minn din is-sena qegħdin isiru żewġ passi oħra kif spjegat kif ġej:

  1. L-eżenzjoni fuq il-pensjoni mibdija fis-sena 2016 issa se titla’ għal €37,104. Dan prattikament ifisser li kull dħul minn pensjoni tas-sigurtà soċjali, pensjoni tas-servizz jew pensjoni privata se jkun eżentat kollu minn ħlas ta’ taxxa. Dan kien mill-bidunett l-iskop ta’ din l-eżenzjoni. Sadattant wieħed għandu jżomm f’moħħu li minn din is-sena se jibdew jitħallsu pensjonijiet privati lil dawk il-pensjonanti li investew f’dawn l-iskemi.
  1. Dak li issa se jkun soġġett għar-rati tat-taxxa normali huwa biss id-dħul l-ieħor (eskluż pensjonijiet). Dan ifisser li minbarra l-eżenzjoni tal-pensjoni, min hu b’komputazzjoni singola mhux se jħallas taxxa fuq l-ewwel €12,000 minn dħul ieħor. Min hu b’komputazzjoni ta’ miżżewweġ mhux se jħallas taxxa fuq l-ewwel €15,000 minn dħul ieħor.

Ngħinek bi ftit eżempji ta’ x’ifisser dan kollu.

Ġanni huwa pensjonant b’komputazzjoni singola. Din is-sena se jdaħħal €20,000 pensjoni u €12,000 dħul ieħor. Bir-regoli tat-taxxa kif kienu fis-sena 2015 Ġanni kien ikollu jħallas €5,275 f’taxxa. Bir-regoli tas-sena 2025 kieku din is-sena Ġanni se jħallas €1,273 f’taxxa.

Bir-regoli ta’ din is-sena, 2026, id-dħul kollu ta’ Ġanni ta’ €32,000 mhux se jkun taxxabbli u għalhekk mhux se jħallas taxxa fuqu. Ifisser li taxxa ffrankata fuq is-sena 2025 kienet tammonta għal €1,273 filwaqt li taxxa ffrankata fuq is-sena 2015 kienet tammonta għal €5,275.

Pawlu huwa pensjonant b’komputazzjoni ta’ miżżewweġ. Din is-sena se jdaħħal €20,000 pensjoni u €15,000 dħul ieħor. Bir-regoli tat-taxxa kif kienu fis-sena 2015 Pawlu kien ikollu jħallas €4,845 f’taxxa. Bir-regoli tas-sena 2025 kieku din is-sena Pawlu se jħallas €464 f’taxxa.

Bir-regoli ta’ din is-sena, 2026, id-dħul kollu ta’ Pawlu ta’ €35,000 mhux se jkun taxxabbli u għalhekk mhux se jħallas taxxa fuqu. Ifisser li taxxa ffrankata fuq is-sena 2025 kienet tammonta għal €464 filwaqt li taxxa ffrankata fuq is-sena 2015 kienet tammonta għal €4,845.

Patist huwa pensjonant b’komputazzjoni singola. Din is-sena se jdaħħal €12,000 pensjoni u €20,000 dħul ieħor. Bir-regoli tat-taxxa kif kienu fis-sena 2015 Patist kien iħallas €5,275 f’taxxa. Bir-regoli tas-sena 2025 kieku din is-sena Patist se jħallas €2,200 f’taxxa.

Bir-regoli ta’ din is-sena, 2026, mid-dħul kollu ta’ Patist ta’ €32,000 se jkollu biss €8,000 taxxabbli li fuqhom se jħallas €1,600 f’taxxa. Ifisser li taxxa ffrankata fuq is-sena 2025 kienet tammonta għal €600 filwaqt li taxxa ffrankata fuq is-sena 2015 kienet tammonta għal €5,275.

Karmenu huwa pensjonant b’komputazzjoni ta’ miżżewweġ. Din is-sena se jdaħħal €12,000 pensjoni u €25,000 dħul ieħor. Bir-regoli tat-taxxa kif kienu fis-sena 2015 Karmenu kieku qed iħallas €5,345 f’taxxa. Bir-regoli tas-sena 2025 kieku din is-sena Karmenu se jħallas €1,760 f’taxxa.

Bir-regoli ta’ din is-sena, 2026, mid-dħul kollu tiegħu ta’ €37,000 Karmenu se jkollu biss €10,000 taxxabbli li fuqhom se jħallas €1,160 f’taxxa. Ifisser li taxxa ffrankata fuq is-sena 2025 kienet tammonta għal €600 filwaqt li taxxa ffrankata fuq is-sena 2015 kienet tammonta għal €4,185.

Nikola huwa pensjonant b’komputazzjoni singola. Din is-sena se jdaħħal €24,000 f’pensjonijiet u €10,000 dħul ieħor. Bir-regoli tat-taxxa kif kienu fis-sena 2015 Nikola kieku din is-sena qed iħallas €5,775 f’taxxa. Bir-regoli tas-sena 2025 kieku din is-sena Nikola se jħallas €1,773 f’taxxa.

Bir-regoli ta’ din is-sena, 2026, id-dħul kollu ta’ Nikola ta’ €34,000 mhux taxxabbli u għalhekk m’hu se jħallas xejn f’taxxi. Ifisser li taxxa ffrankata fuq is-sena 2025 kienet tammonta għal €1,773 filwaqt li taxxa ffrankata fuq is-sena 2015 kienet tammonta għal €5,775.

Abram huwa pensjonant b’komputazzjoni ta’ miżżewweġ. Din is-sena se jdaħħal €24,000 minn pensjonijiet u €14,000 dħul ieħor. Bir-regoli tat-taxxa kif kienu fis-sena 2015 Abram kieku qed iħallas €5,595 f’taxxa. Bir-regoli tas-sena 2025 kieku din is-sena Abram se jħallas €1,083 f’taxxa.

Bir-regoli ta’ din is-sena, 2026, id-dħul kollu ta’ Abram ta’ €38,000 mhux taxxabbli u għalhekk m’hu se jħallas xejn f’taxxi. Ifisser li taxxa ffrankata fuq is-sena 2025 kienet tammonta għal €1,083 filwaqt li taxxa ffrankata fuq is-sena 2015 kienet tammonta għal €5,595.

Andrew huwa pensjonant b’komputazzjoni singola. Din is-sena se jdaħħal €24,000 minn pensjonijiet u €15,000 dħul ieħor. Bir-regoli tat-taxxa kif kienu fis-sena 2015 Andrew kieku din is-sena qed iħallas €7,025 f’taxxa. Bir-regoli tas-sena 2025 kieku din is-sena Andrew se jħallas €3,023 f’taxxa.

Bir-regoli ta’ din is-sena, 2026, mid-dħul kollu tiegħu ta’ €39,000 Andrew se jkollu biss €3,000 taxxabbli u fuqhom se jħallas €450 f’taxxa. Ifisser li taxxa ffrankata fuq is-sena 2025 kienet tammonta għal €2,423 filwaqt li taxxa ffrankata fuq is-sena 2015 kienet tammonta għal €6,575.

Albert huwa pensjonant b’komputazzjoni ta’ miżżewweġ. Din is-sena se jdaħħal €24,000 minn pensjonijiet u €20,000 dħul ieħor. Bir-regoli tat-taxxa kif kienu fis-sena 2015 Albert kieku qed iħallas €7,095 f’taxxa. Bir-regoli tas-sena 2025 kieku din is-sena Albert se jħallas €2,583 f’taxxa.

Bir-regoli ta’ din is-sena, 2026, mid-dħul kollu tiegħu ta’ €44,000 Albert se jkollu biss €5,000 taxxabbli u fuqhom se jħallas €210 f’taxxa. Ifisser li taxxa ffrankata fuq is-sena 2025 kienet tammonta għal €2,373 filwaqt li taxxa ffrankata fuq is-sena 2015 kienet tammonta għal €6,885.

META u JEKK il-Partit Nazzjonalista jwegħdek aktar minn hekk fakkru li meta kellu ċans jattwa, lill-pensjonant ma kkalkulahx.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport