Il-manager ta’ Manchester City, Pep Guardiola, ta ġieħ lill-captain Fernandinho, li se jkun qed iħalli lill-club dan is-sajf wara disa’ snin fl-Etihad Stadium.
Il-player ta’ 37 sena żvela x-xahar li għadda li mhux se jkun qed jestendi l-kuntratt tiegħu, li jiskadi fi żmien sitt ġimgħat, u huwa lest li jirritorna l-Brażil, art twelidu.
Fernandinho jista’ jilgħab l-aħħar logħba tiegħu mal-club meta City jilqgħu lil Aston Villa fl-Etihad Stadium għall-konfront tagħhom li se jkun qed jiddeċiedi t-titlu nhar il-Ħadd, u Guardiola jittama li l-midfielder veteran jirċievi tislima xierqa.