Sena ilu, fl-24 ta’ Frar 2022, bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna ordnata mill-President Russu Vladimir Putin. X’ġara matul is-sena li għaddiet? X’inhuma l-effetti ta’ din il-gwerra fuq id-dinja kollha? X’tama hemm li jieqaf il-ġlied? Talk.mt tkellem ma’ Evarist Bartolo fuq din il-gwerra.
Evarist Bartolo: S’issa sintendi l-aktar li qed ibatu f’din il-gwerra huma l-Ukreni nfushom. Mill-inqas 7,199 nisa u xjuħ, fosthom 438 tfal, li huma pajżana ġew maqtula fl-attakki feroċi Russi. Miljuni kellhom iħallu djarhom u jmorru jfittxu kenn f’naħat oħra tal-Ukrajna jew f’pajjiżi oħra. L-attakki ta’ Putin huma maħsuba biex anki jekk ma jirbaħx il-gwerra, tant ikun kisser lill-Ukrajina li trid is-snin biex terġa’ tiġi f’tagħha.
Imbagħad hemm ukoll mijiet ta’ eluf suldati Ukreni u Russi li qed jinqatlu jew jigu feruti. Hija gwerra li qed tigi miġġielda fl-Ukrajna imma qed tħalli effetti kbar fuq id-dinja kollha.”
X’inhuma l-effetti li qed tħalli din il-gwerra fuqna u l-bqija tad-dinja?
L-effetti ekonomiċi tal-gwerra qed jinħassu mad-dinja kollha. Għalkemm il-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u l-ikel qed jerġgħu jonqsu, xorta għadhom qawwija ħafna.
Aħna bħala poplu m’aħniex inweġġgħu daqs popli f’pajjiżi oħra għax il-gvern qed jissussidja biex itaffi d-daqqa. Imma l-għoli tal-ħajja jolqotna bl-affarijiet li jiġu impurtati minn barra, kemm dak li għandna bżonn għall-ħajja ta’ kuljum kif ukoll dak li għandna bżonn għax-xogħol tagħna fil-biedja, fit-turiżmu, fil-kostruzzjoni, fis-servizzi u fl-industrija.
X’inhuma l-effetti fuq id-dinja kollha?
Il-gwerra qed issir iżjed feroċi u mistennija tiħrax fix-xhur li ġejjin. Hemm il-periklu serju li tinfirex. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maghquda Antonio Guterres ġimagħtejn ilu kellem lill-193 pajjiż li huma fl-Assemblea Ġenerali waqt li kkundanna l-invażjoni Russa wissa li qed nissugraw li mexjin b’għajnejna miftuhin beraħ lejn gwerra akbar. Huwa qal li din il-gwerra qed toħloq tbatija kbira għall-poplu Ukren u qed toħloq problemi għad-dinja kollha. Qal: ‘It-tama għall-paċi qed dejjem tonqos u s-sogru li l-gwerra tkompli tikber qed jissaħħaħ.’
Antonio Guterres qal ukoll: ‘Kieku kull pajjiż jimxi bil-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-paċi tkun garantita kullimkien.’
Kien qed jgħid għall-prinċipji li kull pajjiz, kbir u żgħir, huwa ndaqs u għandu dritt imexxi lilu nnifsu; li l-inkwiet bejn pajjiż u ieħor għandu jissolva bid-diskussjoni u mhux bl-armamenti u li kull persuna fid-dinja għandha tgħix ħielsa mill-biża’ u mill-miżerja.
Aħna bħala Malta naqblu ma’ dawn il-prinċipji u waqt li ahna favur il-paci u ma rridux pajjiżna jintuża fil-gwerer u newtrali militarment, m’aħniex favur li pajjiż għax kbir jinvadi pajjiż ieħor. Aħna li għexna sekli sħaħ maħkumin minn qawwiet oħra nafu kemm batejna biex niksbu l-ħelsien nazzjonali u mmexxu lilna nfusna. Aħna favur li kull pajjiż ieħor, inkluż l-Ukrajna, jmexxi lilu nnifsu u jgħix fil-paċi ma’ pajjiżi oħra bla jhedded is-sigurtà tagħhom.
Għaliex gwerra bejn żewġ pajjiżi qed tinħass mad-dinja kollha?
Militarment il-gwerra s’issa qed tiġi miġġielda fl-Ukrajna, imma hemm ħafna iżjed minn żewġ pajjiżi mdaħħlin fiha. S’issa fuq naħa għandek lir-Russja b’għajnuna militari mill-Iran u fuq in-naħa l-oħra għandek lill-Ukrajna u l-pajjiżi tan-NATO u l-Unjoni Ewropea. Aħna bħala pajjiż newtrali m’aħniex nibagħtu għajnuna militari imma għajnuna umanitarja. Din il-gwerra qed tagħmilha iżjed diffiċli għalina u pajjiż newtrali ieħor bħall-Awstrija għax ġabet iżjed lill-Unjoni Ewropea, in-NATO u l-Istati Uniti aktar fi blokk militari wieħed u wasslet biex pajjiżi bħall-Fillandja u l-Iżvezja jbiddlu l-politika tagħhom ta’ newtralità u japplikaw biex jidħlu fl-alleanza militari tan-NATO. Pajjiżi bħal tagħna huma favur li l-inkwiet jinħall bid-diplomazija u mhux bl-armamenti. Pajjiżi bħalna x’jitilfu għandhom meta fid-dinja l-pajjiżi kbar jagħmlu li jridu, jiksru l-liġi internazzjonali għax ghandhom l-armamenti.
Fid-diskors tiegħu tat-Tlieta, Putin qal li r-Russja rtirat mill-uniku ftehim li kien fadal li jillimita l-armi nukleari tar-Russja u l-Istati Uniti. Xi jfisser dan?
Il-President Russu Putin qed jhedded li jekk hemm bżonn juża l-armi nukleari biex jiddefendi lir-Russja. Dan id-diskors jogħġob lil dawk li jipproduċu l-armi nukleari fid-dinja kollha għax ifisser iżjed flus għalihom ghalihom anki jekk dan qed iressaq lid-dinja lejn qerda nukleari. Basta jsiru dikjarazzjonijiet mill-qawwiet nukleari li gwerra nukleari m’għandhiex tigi miġġielda għax ħadd ma jista’ jirbaħha.
Bil-blokk tal-Punent immexxi mill-Istati Uniti jibghat dejjem iżjed armi biex l-Ukreni jkunu jistgħu jiddefendu lilhom infushom u d-dritt li jghixu bħala pajjiż indipendenti, hemm periklu kbir li l-gwerra tahrab minn kull kontroll u tinfirex u tikber.
Din il-gwerra qed twassal biex aktar pajjiżi se jonfqu iżjed, ħafna iżjed fuq l-armamenti. L-Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja u l-Pakistan se jkomplu jonfqu biljuni kbar biex jimmodernizzaw l-armi nukleari tagħhom. Il-Korea ta’ Fuq qed tkompli tiżviluppa l-qawwa nukleari tagħha waqt li għadu ma ntlaħaqx ftehim mal-Iran biex ma jiżviluppax armi nukleari. Fl-Ewropa stess ghandna lill-Germanja qed tarma lilha nnfisha u se tonfoq ħafna iżjed flus fl-armamenti. Dan se jbiddel anki lill-Unjoni Ewropea, kemm fir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi membri, kif ukoll ir-relazzjonijiet mal-bqija tad-dinja.
Bil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, mhux qed ikun hemm il-ħidma flimkien meħtieġa biex id-dinja kollha tingħaqad kontra l-pandemiji u l-emerġenza tal-klima b’temp estrem ta’ għargħar, nixfa u temperatura dejjem tisħon iżjed u li qed iġġiegħel miljuni ta’ nies jitilqu mnejn qegħdin għax ma jistgħux jaħdmu l-art iżjed u jirgħu l-merħliet tagħhom u dan se jġib iżjed immigrazzjoni, ġuħ u faqar.”
X’jista’ jsir biex tieqaf din il-gwerra?
Diffiċli ħafna. Putin ma jridx joħroġ mill-Ukrajna. Il-President Ukren Zelenski ma jridx li jċedi li l-Ukrajna titlef mill-artijiet tagħha. It-tnejn jemmnu li se jirbħu fil-kamp tal-battalja u mhux b’diskussjoni madwar il-mejda u għalhekk il-gwerra se tkompli sakemm naħa titlef jew iż-żewġ naħat jifhmu li bil-gwerra mhux se jiksbu dak li jixtiequ.
Iċ-Ċina qed tgħid li tixtieq tkun medjatur u tagħti sehemha biex jintlaħaq qbil bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Mill-bidu tal-gwerra ċ-Ċina baqgħet tinsisti li hi favur li l-kwistjonijiet jinhallu bid-diplomazija u li kull pajjiż għandu dritt ghas-sovranità u l-integrità territorjali tieghu u li jmexxi lilu nnifsu.
Fl-istess ħin iċ-Ċina u r-Russja jaqblu li l-Istati Uniti m’ghandhiex tiddomina lid-dinja u tiddetta lill-pajjiżi l-oħra x’għandhom jagħmlu.
Din hi l-ikbar sfida li għandna quddiemna f’kull naha tad-dinja: kif se jkollna dinja fejn kull pajjiz, kbir u żgħir jitqies indaqs u jkollu d-dritt li jmexxi lilu nnifsu. L-imperi suppost spiċċaw imma fil-fatt l-imperjalizmu għadu għaddej taħt forom ġodda u differenti. Kif se jirnexxielna nsibu mod kif f’kull kontinent ngħixu flimkien, ħielsa li mmexxu lilna nfusna bla ma nheddu lill-ġirien tagħna u bla ma ftit pajjiżi kbar u b’saħħithom jiddettaw lill-pajjiżi l-oħra? Għandna periklu serju li anki jekk b’xi mod jew ieħor jieqaf il-ġlied fl-Ukrajna, xorta ma jkunx hawn paċi u li d-dinja tinqasam fi blokki differenti kontra xulxin. Pajjiżi żgħar bħalna jaqblilhom li jkunu ħbieb tal-pajjiżi kollha fid-dinja u mhux li nkunu f’xi blokk kontra ieħor. Dan isir iżjed diffiċli fejn blokk iridek tkun miegħu kontra oħrajn.