Thursday, April 25, 2024

Ma semax aktar b’aħbarha wara li telqet lejn it-Tajlandja fi żmien il-pandemija

… ordnata s-separazzjoni bejn koppja

Aqra wkoll

Imħallef fil-Qorti tal-Familja ordnat is-separazzjoni bejn koppja wara li semgħet kif il-mara kienet qabdet u telqet lejn it-Tajlandja fi żmien il-pandemija “bl-iskuża li riedet tmur lura d-dar” u minn dakinhar ‘l hawn ir-raġel ma semax aktar b’aħbarha.

Il-koppja kienu żżewġu f’Lulju tal-2018 u minn dan iż-żwieġ ma kellhomx tfal. Ir-raġel kien xehed li ż-żwieġ tfarrak wara li l-partijiet ma setgħux jikkomunikaw ma’ xulxin. Qal ukoll li martu kienet supperva u li qatt ma setgħu jirranġaw bejniethom.

Spjega li huma kienu ltaqgħu t-Tajlandja, iżda kien hemm drabi fejn ġiet miegħu Malta qabel iddeċidew li jiżżewġu. Kif iżżewġu, lanqas baqgħu jgħixu bħala koppja, dwar tfal ma kinux jitkellmu għaliex hija diġà kellha żewġt itfal oħra miż-żwieġ preċedenti. Il-mara hi ħames snin ikbar minnu.

Intqal li għalkemm huwa kien laqqagħha mal-familjari u l-ħbieb tiegħu, hija ma kinitx tipprova tissoċjalizza u fil-fatt spiċċa biex infired minn ma’ sħabu għax ma kienet tagħmel l-ebda sforz biex tikkomunika magħhhom.

Jgħid li l-mara kienet tkun dejjem imdejqa u qatt ma rnexxielu jikkuntentaha, u jixtrilha x’jixtrilha dejjem riedet aktar. Iżid li min-naħa l-oħra, hija kienet persuna li qatt ma kienet taf xi trid.

Jispjega li huwa jaħdem barra minn Malta ħafna drarbi u peress li huwa kien ikun qiegħed barra mill-pajjiż ħafna mill-ħin, ir-relazzjoni ddeterjorat aktar u minħabba l-atteġġjament tagħha, huma ma setgħux jgħixu ħajja ta’ koppja kif suppost tant li spiċċaw jorqdu separatament.

Eventwalment, il-mara telqet mill-pajjiż fiż-żmien tal-pandemija għax riedet tmur lura d-dar u kien ħallsilha l-passaġġ. Iżda minn dakinhar ‘il quddiem, huwa qatt ma reġa’ kellu aħbarha.

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima rat li l-koppja kien ilhom separati de facto għal tul ta’ żmien rikjest mil-liġi u li ma hemm l-ebda kwistjoni ta’ manteniment bejniethom u m’hemm l-ebda prospett raġjonevoli għal rikonċiljazzjoni.

Kien għalhekk li ordnat is-separazzjoni bejn il-koppja, minħabba ħtija attribwita lill-mara.

Sport