Friday, December 27, 2024

Persuna mejta u 46 midrubin wara li splodiet pompa tal-petrol fir-Rumanija

Aqra wkoll

Mill-inqas persuna tilfet ħajjitha u 46 oħrajn spiċċaw midrubin wara li matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd splodiet pompa tal-petrol fil-kapitali Rumena – Bucharest.

B’kollox seħħew żewġ splużżjonijiet kbar, waħda minnhom kien hemm diġà l-ħaddiema tat-tifi tan-nar. Konsegwenza tat-tieni splużżjoni 26 ħaddiem tat-tifi tan-nar spiċċaw mudrubin.

L-Awtoritajiet Rumeni li qegħdin jinvestigaw dan il-każ qalu li mill-inqas 8 persuni għandhom ħruq estensiv f’ġisimhom, tant li għaddejjin pjani biex 4 minnhom jittieħdu lejn sptar barra mill-pajjiż fejn jistgħu jingħataw kura aħjar.

Minkejja li n-nirien ġew ikkontrollati, xorta waħda għad hemm riskju kbir. “Baqa’ ħażna kbira ta’ fjuwil li jista’ jisplodi minn ħin għal ieħor,” qal Raed Arafat, il-Kap tas-Servizz tal-Emerġenza Rumena waqt li kien qed jitkellem mal-midja internazzjonali.

Anke l-President Rumen, Klaus Iohannis tkellem dwar dan l-inċident fejn sejjaħ dak li ġara bħala “traġedja” kbira.

Hu sejjaħ biex issir investigazzjoni malajr biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xi ksur ta’ regoli. Talab biex ir-riżultati tal-inkjesta jiġu studjati biex traġedji bħal dawn qatt ma jerġgħu jsiru fil-pajjiż.

Ekonomija

Sport